Tliet ġimgħat bogħod mill-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella lill-poplu Malti u Għawdxi jerfa’ din ir-responsabbiltà kbira u flimkien, bħala poplu wieħed, nerġgħu ngħidu IVA għal pajjiżna. Iva għall-Forza Nazzjonali li qed tiġġieled il-korruzzjoni li ħakmet lill-Gvern ta’ Muscat u l-klikka tiegħu u li minħabba fil-korruzzjoni kbira li ħakmitu, kellha tissejjaħ elezzjoni sena qabel.
Fi tmiem mass meeting f’Ħaż-Żebbuġ, illum waranofsinhar u li fih tkellmu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, kif ukoll l-eks-Whip tal-gvern ta’ Muscat, Godfrey Farrugia li nhar is-Sibt irriżenja mill-Partit Laburista u tefa’ l-kandidatura tiegħu biex jikkontesta l-elezzjoni ġenerali mal-Partit Demokratiku u jingħaqad għaldaqstant fil-Forza Nazzjonali, Simon Busuttil appella biex bħalma għamel il-poplu f’deċiżjonijiet importanti u vvota IVA għal pajjiżna, issa wkoll Malta qed terġa’ ssejjaħ lill-poplu biex jerġa’ jivvota IVA għal Malta.
L-għażla hi, fakkar għal darb’oħra Simon Busuttil, bejn Muscat flimkien mal-klikka tiegħu, u Malta. U f’din l-għażla, appella Simon Busuttil, il-popolu jrid jivvota IVA għal Malta.
Fil-bidu tal-mass meeting, Simon Busuttil qal li l-jum tal-bieraħ, jum l-omm, hu jum li niftakru wkoll f’omm li hi akbar mill-oħrajn. L-omm li tatna isimha. Din l-omm qed issejħilna u aħna qed inwieġbu għas-sejħa tagħha.
Il-poplu jwieġeb għas-sejħa ta’ ommna għaliex ma jbigħx ruħu u ma jiħux kummissjoni fuq isem pajjiżu.
Simon Busuttil qal li l-pajjiż kellu mexxejja kbar li taw isem kbir lil Malta. Kien hemm Eddie Fenech Adami li stinka biex pajjiżna rebaħ id-demokrazija u l-libertà. Kien hemm mexxejja li mhux dejjem qbilna magħhom, bħal Duminku Mintoff. Imma kellhom ħaġa li naqblu magħha, li għalihom Malta kienet tiġi l-ewwel u qabel kollox.
Illum Malta għandha bħala mexxej lil Joseph Muscat, li minflok ipoġġi l-ewwel l-interessi tal-poplu u tal-pajjiż qed ipoġġi fuq quddiem l-interess tiegħu u tal-klikka ta’ madwaru.
Erba’ snin ilu Joseph Muscat kellu l-akbar rebħa b’36,000 vot. Kellu kull opportunità biex itella’ lill-pajjiż fl-ogħla livelli u verament jagħmlu l-aqwa fl-Ewropa. Minflok żamm il-kelma li ta, rema l-opportunità li jmexxi lill-pajjiż fejn qatt qabel ma kien wasal. Rema l-opportunità minħabba r-rgħiba ta’ erbgħa min-nies. Hu tradixxa dak li wiegħed. Minflok Malta tagħna lkoll, ġabha Malta tagħhom biss.
Minflok zero tollerance għall-korruzzjoni, ġab każ ta’ korruzzjoni wieħed wara l-ieħor.
Wiegħed il-meritokrazija u t-trasparenza, imma għamel kollox bil-moħbi. Għalhekk il-poplu qed iwieġeb b’mewġa enormi bħala ċittadini tal-poplu Malti u Għawdxi.
Din hi forza akbar mill-Partit Nazzjonalista. Għalhekk saret għaqda mal-Partit Demokratiku biex fuq quddiem ikun hemm l-interessi tal-pajjiż u mhux tal-partit.
Simon Busuttil sellem lil Godfrey Farrugia. Hu qal li jaf lil Godfrey Farrugia mill-bankijiet faċċata fil-Parlament. L-Oppożizzjoni qatt ma kellha għalfejn tgħid kelma waħda kontrih. Godfrey Farrugia wera li hu bniedem diċenti u wera li biex tkun bniedem diċenti mhemmx għalfejn tkun Nazzjonalist jew Laburist, imma trid tkun Malti.
Il-Kap Nazzjonalista qal li jifhem kemm kienet diffiċli d-deċiżjoni li kellu jieħu Godfrey Farrugia. Bħalu hemm Laburisti oħra li għaliex iħobbu lil pajjiżhom, jifhmu li dan hu mument diffiċli.
Simon Busuttil appella lil dawn il-persuni biex fit-3 ta’ Ġunju jwieġbu għas-sejħa ta’ Malta bħala Maltin u mhux bħala partitarji.
Simon Busuttil qal li għad hawn min għadu jsostni li minkejja l-għajta tal-korruzzjoni, għadu sejjer tajjeb. Il-korruzzjoni hi marda li qed tolqot lill-pajjiż u għalhekk qed tolqot lil kull wieħed minna.
Din is-sitwazzjoni se tiġbed il-ħarsa tad-dinja kollha fuqna. Il-barranin se jistaqsu x’għażla se jagħmel il-poplu Malti. Il-poplu għandu jifhem li l-pajjiż hu marid bil-korruzzjoni u jinħtieġ li jitfejjaq. L-elezzjoni ġiet kmieni u forsi hawn nies li għadhom ma jħossux li l-Partit Nazzjonalista tgħallem mill-iżbalji tal-passat.
Simon Busuttil qal li mill-iżbalji, il-Partit Nazzjonalista tgħallem u mhux se jirrepeti l-istess żball. Żball kbir li għamel il-Partit Nazzjonalista fil-passat kien li ma baqax viċin in-nies. Illum iwiegħed li se jkun viċin in-nies u se jibqa’ viċin in-nies.
Hawn min qed jibża’ mill-bidla għaliex hawn ħafna biża’ li qed tiddaħħal għalxejn. Dawn il-qlajjiet huma biss gideb.
Simon Busuttil staqsa lil Joseph Muscat li tant jinsab mal-ħajt li qed ikollu jirrikorri għall-gideb. Hi gidba li l-LSAs se jkun kostretti jaħdmu. Min jagħżel li jaħdem se jitħallas u mhux jingħataw flus lill-GWU.
Qed issir gidba li se jsir referendum ieħor dwar il-kaċċa. Il-Partit Nazzjonalista jirrispetta l-għażla li għamel il-poplu.
Hi gidba li jitkeċċew il-pulizija li daħlu. Gvern Nazzjonalista jerġa’ jagħti d-dinjità lill-Korp tal-Pulizija u min irid imur imexmex il-fenek, imur ikompli bil-fenkata. Imma l-Korp tal-Pulizija jerġa’ jaħdem fl-interess tal-poplu.
Hi gidba li l-PN iwaqqaf is-servizz tal-IVF. Hi gidba għaliex dan hu servizz li daħħal Gvern Nazzjonalista. Gidba wkoll li se jitneħħew xi drittijiet tal-komunità gay.
Hi gidba wkoll li l-ekonomija tiddgħajjef. Kien il-PN li saħħaħ dan is-settur. Hi gidba li jiżdiedu t-taxxi għaliex il-PN dejjem naqqashom. Hi gidba li jgħolli l-kontijiet tad-dawl għaliex intrabat li jixtri bl-irħas prezzijiet.
Simon Busuttil qal li l-biża’ tiġi biss mill-gideb. Il-verità tegħleb il-biża’. Il-Partit Nazzjonalista qatt ma qata’ qalbu. Ma qatax qalbu fil-kisba tal-Indipendenza u lanqas fil-ħidma biex sieħeb lil Malta fl-UE.
Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista kien qed joħroġ proposta wara oħra. Il-Partit Nazzjonalista hu forza favur il-pajjiż. Għamel proposti favur il-familja, favur il-ħaddiema, fuq il-housing, proposti favur l-anzjani, programm sħiħ għal Għawdex. Anki jekk saru dawn il-proposti kollha, se jkomplu jsiru iżjed.
Iżda din l-elezzjoni hi dwar prinċipju. Dan il-prinċipju Joseph Muscat ma jistax iwiegħdu. Dan hu l-prinċipju tal-integrità u tal-onestà.
Simon Busuttil qal li l-messaġġ dwar il-veru għan ta’ din l-elezzjoni tal-PN qed jasal. Qed tasal is-sejħa li saret biex il-poplu jwieġeb ladarba l-Prim Ministru, il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali ma għamlu xejn. Kienu diversi li resqu u qed jagħtu l-informazzjoni li tikxef il-ħmieġ li mexxa fih il-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella biex il-poplu jerfa’ flimkien ħalli jagħtu valur lil kull vot. Il-futur tal-pajjiż jinsab fuq kull wieħed minna. Din hi responsabbiltà enormi li tista’ tinġarr minn kulħadd.
Il-pajjiż reġa’ qed isejjaħ lill-poplu. Kull darba li l-pajjiż sejjaħ, il-poplu wieġeb. Il-poplu wieġeb għal din is-sejħa, iva, għaliex l-għażla hi ċara għal kull min irid jifhem. L-għażla hi bejn Joseph Muscat mal-klikka korrotta tiegħu, u Malta.
L-għażla tal-poplu hi waħda: “Jien nagħżel Malta.”
//= $special ?>