“L-Għażla fit-3 ta’ Ġunju hija ċara: bejn Joseph Muscat u l-klikka korrotta tiegħu, u Malta – il-poplu Malti se jagħżel u jgħajjat b’saħħa: ‘Jien nagħżel Malta'”.
Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta dalgħodu indirizza folla numeruża waqt laqgħa taħt it-tinda fi Pjazza San Nikola fis-Siġġiewi.
Simon Busuttil irrefera għall-istorja ta’ ħmieġ li qed tkompli tiżviluppa u li kienet irrappurtata fil-gazzetta The Sunday Times li żewġ pagamenti oħra ta’ €583,000 daħlu fil-kont ta’ Willerby Inc., li hi propjeta’ ta’ Brian Tonna, fil-Bank Pilatus. Dawn il-pagamenti saru f’Novembru tal-2015 u Jannar tal-2016. Xahar wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama, dan il-kont f’Pilatus Bank ingħalaq. Il-Kap tal-PN qal li dan kien kont fejn kienu pparkjati flus tal-klijenti ta’ Brian Tonna għax-xiri tal-passaport ta’ Brian Tonna lil Keith Schembri.
“Dan kollu kien qed jiġri taħt imnieħer il-Prim Ministru”, tenna Simon Busuttil, “Ma naħsibx li l-Prim Ministru hu stupidu li ma jafx x’kien għaddej. Kien x’kien ir-rwol tal-PM, inkompetenti jew kompliċi postu m’għadux fil-politika.”
Hu kompla li ladarba m’għamilx dak mistenni minnu, ir-responsabbilta’ taqa’ f’idejn il-poplu Malti biex jilgħab l-aħħar karta. Din il-karta hi d-dokument tal-vot u d-deċiżjoni li ma ħax Joseph Muscat, jeħodha l-poplu.
Simon Busuttil irrefera wkoll għax-xniegħat li qed jiġru fost il-kaċċaturi dwar referendum ieħor dwar il-kaċċa jekk il-PN ikun fil-Gvern. Hu qal li hu kien dejjem konsistenti minn meta innegozja sabiex tinżamm il-kaċċa fir-Rebbiegħa fl-2004 sal-vot favur meta sar ir-referendum fl-2015. “Għalina, il-kaċċa hi kwistjoni magħluqa. Jien żammejt il-kelma tiegħi u miegħi taf fejn qiegħed. Għall-irġulija hemm biss partit wieħed u dan hu l-Partit Nazzjonalista.”
Hu appella lill-kaċċaturi sabiex ma jħallux lil Muscat jużahom għall-vot u jinqeda bihom, biex il-klikka korrotta tibqa’ tiffanga.
L-Attivita’ kienet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici, id-Deputat Stephen Spiteri, l-Inġinier Amy Camilleri Zahra u Eddie Gatt.
//= $special ?>