Minbarra l-€100,000 li għaddew mill-kumpanija sigrieta ta’ Brian Tonna għall-kont ta’ Keith Schembri f’Pilatus Bank, jidher li għaddew żewġ transazzjonijiet oħra suspettużi li flimkien jammontaw għal kważi €600,000. Dan kien żvelat fil-ħarġa tal-lum tal-gazzetta The Sunday Times of Malta.
Il-pagamenti fil-kont f’Pilatus Bank ta’ Willerby Trade Inc, kumpanija irreġistrat fil-British Virgin Islands f’isem Brian Tonna, b’kollox jammontaw għal €583,617.72. Dawn saru f’Novembru tal-2015 u Jannar tal-2016.
Fl-investigazzjoni li saret mill-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU), kien stabbilit li l-kont ta’ Willerby kien qed jintuża biss għal ħlasijiet u transazzjonijiet oħra fil-kont ta’ Keith Schembri b’rabta mal-programm tal-bejgħ tal-passaporti. L-FIAU innutat ukoll żewġ transazzjonijiet fil-kont ta’ Pilatus Bank minn kont fil-Bank of Valletta f’isem BT International, li hi wkoll propjeta’ ta’ Brian Tonna. Dawn il-pagamenti saru wara li nħarġu invoices mill-kumpanija l-oħra ta’ Brian Tonna stess, jiġifieri Willerby Inc.
Iżda l-investigazzjoni tal-FIAU ma sabitx iktar transazzjonijiet wara li l-kont ingħalaq ħesrem fil-5 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet meta fil-ħruġ tal-Panama Papers, ġie żvelat li Willerby hi ta’ Brian Tonna.
Ir-rapport tal-investigazzjoni tal-FIAU ġie mgħoddi lill-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali iktar minn sena ilu. The Sunday Times tirrapporta li l-bilanċ finali meta ngħalaq il-kont ta’ Willerby f’Pilatus Bank kien €609,830.62, liema flus kienu trasferiti f’kont tal-Bank of Valletta li kien iġib l-isem Brian Tonna Nexia BT Dividend.
Fil-fatt, l-investigaturi qalu li Willerby mhux azzjonist ta’ Nexia BT allura, ma hemmx dividends dovuti. L-FIAU talbet lill-Pulizija biex tinvestiga x’rabta hemm bejn Nexia BT u Willerby. Ir-rapport ikompli li Pilatus Bank naqas milli jibgħat dak li jissejjaħ “suspicious transaction report” mal-istess FIAU kif obbligat bil-liġi. Mhux magħruf jekk Pilatus Bank kienx immultat għal dan in-nuqqas. Kemm Brian Tonna kif ukoll Keith Schembri ma wieġbux mistoqsijiet mibgħuta mill-gazzetta.
Minkejja li kellha l-informazzjoni f’idejha għal iktar minn sena, il-Pulizija ma ħadet ebda azzjoni. Dawn it-transazzjonijiet issa huma fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni minn Maġistrat inkwirenti wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ressaq provi dwar tixħim minn Brian Tonna lil Keith Schembri.
//= $special ?>