Ftit jiem oħra u l-poplu se jkollu l-opportunità li jerġa’ jieħu r-riedni f’idejh u jkun hemm fit-tmun persuna li temmen fil-valur tal-onestà u tal-integrità. Il-pajjiż se jkollu opportunità li jkollu Prim Ministru li barra minn Malta ma jmurx b’dell ikrah ta’ korruzzjoni. Is-siegħa t-tajba għall-poplu Malti waslet u l-poplu se jaħtafha.
Hekk qal Mario de Marco, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, meta llejla indirizza l-mass meeting ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Mario de Marco beda d-diskors tiegħu billi fakkar f’Jum l-Omm. Hu qal li l-omm dejjem tagħmel l-aħjar għal uliedha. F’dawn il-jiem, Ommna li tatna isimha qed tiġbor lill-poplu Malti li jrid jagħti l-aħjar lil pajjiżu.
Mario de Marco fakkar kif 30 sena ilu, pajjiżna wkoll sejjaħ lill-poplu biex jiddefendi d-demokrazija bl-għajta ta’ xogħol, ġustizzja u libertà.
Illum, pajjiżna reġa’ qed isejħilna wara li erba’ snin ilu Joseph Muscat inganna lill-poplu meta wiegħed kontabbiltà, trasparenza u meritokrazija. Dawn il-wegħdiet kienu biss ingann.
Illum, Joseph Muscat mhux qed jagħmel dawn il-wegħdiet għaliex qed jisfaxxa biċċa biċċa.
Mario de Marco qal li l-poplu qed jinġabar għaliex l-awtoritajiet li suppost qegħdin hemm biex jiddefendu s-saltna tad-dritt jinsabu taħt theddida ta’ kollass. Il-poplu qed jinġabar għaliex għandna Prim Ministru li jfittex l-interessi tiegħu minflok tal-poplu. Għaliex minflok iġġieled il-korruzzjoni, il-Prim Ministru qed jinqered bil-korruzzjoni madwaru. Minflok jiddefendi isem Malta, Joseph Muscat qed iwassal biex isem pajjiżna jitħammeġ.
Mario de Marco irrefera għall-Korp tal-Pulizija li erba’ snin u ħames Kummissarji wara, mhux iħares l-interess tal-poplu. Il-ħidma tal-membri tal-Pulizija onesti qed tiġi mfixkla minn Kummissarju li l-interess tiegħu hu li jipproteġi lill-Prim Ministru u lil dawk ta’ madwaru.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista sejjaħ lill-Pulizija biex ikomplu jaħdmu skont il-ġurament li ħadu imma jgħid lill-Kummissarju tal-Pulizija li żmienu għadda.
Mario de Marco appella lis-Segretarji Permanenti u lill-ħaddiema taċ-Ċivili biex ikunu responsabbli u ma jkunux forċina għal min irid iżomm il-poter akkost ta’ kollox.
Il-Viċi Kap indirizza wkoll lil-Laburisti tal-affari tagħhom. Sellem lil Godfrey Farrugia li bħal Laburisti oħra qed jara l-Partit Laburista biss bl-isem imma mhux fir-ruħ. Dawn jaraw li Joseph Muscat ittradixxa t-twemmin veru Laburista. Mario de Marco sejjaħ lil dawk kollha li jagħrfu dan kollu biex jingħaqdu fil-Forza Nazzjonali biex Malta demokratika tiġi verament l-ewwel u qabel kollox.
Mario de Marco qal li mhux dawk li telqu l-Partit Laburista li ttradew il-partit tagħhom, imma Joseph Muscat ittradixxa it-twemmin veru.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal li din elezzjoni kruċjali li mhix ġlieda bejn proposti imma ġlieda għas-sewwa. Ġlieda favur in-normalità u s-saltna tad-dritt u t-tisħiħ tad-demokrazija.
L-għada tal-elezzjoni, il-poplu Malti jrid jerġa’ jibda jaħdem biex iqajjem mill-ġdid isem Malta. Irid jerġa’ jaħdem biex iqajjem fuq saqajh is-settur tas-servizzi finanzjarji. Kumpaniji kbar internazzjonali qed jevitaw milli jinvestu f’Malta u anki jikkunsidraw li jitilqu minn fostna. Dan mhux riżultat tal-ħaddiema Maltin imma riżultat ta’ min qed jabbuża mill-poter u tort tal-awtoritajiet li qed jonqsu minn dmirhom u jieħdu l-passi fejn hu meħtieġ.
Ħadd mhu se jinvesti f’pajjiż fejn il-Prim Ministru jinsab taħt investigazzjoni kriminali jew fejn hemm Ministru bla Portafoll li aktar għandu interess fil-portafoll tiegħu fil-Panama milli l-interess tal-pajjiż.
Mario de Marco qal li filwaqt li Muscat ammetta li għamel żbalji kbar iżda ma qalx liema huma dawn l-iżbalji. Li Ministru u ċ-Chief of Staff jiftħu kont fil-Panama mhux żball. Li l-Pulizija ma jiħdux passi u jinvestigaw mhux żball, kompla Mario de Marco. Dawn huma kollha azzjonijiet maħsuba biex jipproteġu l-ħażin minflok is-sewwa.
Dan kollu, il-poplu mhux se jaċċettah.
Mario de Marco qal li Konrad Mizzi, li jgħajjat “shame on you”, issa qed jistħi juri wiċċu. Joseph Muscat, li qal li se jmexxi b’umiltà, spiċċa umilja hu stess lill-Gvern Laburista.
Mario de Marco qal li l-poplu miġbur hu ffurmat minn nies ta’ rieda tajba. Dak li deher impossibbli erba’ snin ilu, issa sar possibbli. Gvern li kiseb l-akbar rebħa politika, spiċċa jitfarrak taħt il-piż tal-korruzzjoni.
Fit-3 ta’ Ġunju se jintbagħat messaġġ ċar lil Joseph Muscat li daqshekk ħammeġ isem Malta u isem il-poplu Malti.
Il-poplu se jibgħat messaġġ fl-Ewropa li Malta hi kontra l-korruzzjoni, Malta mhix il-Panama fl-Ewropa imma x-xempju tad-demokrazija u s-sewwa fl-Ewropa u fil-Mediterran.
Għalhekk il-poplu se jkollu l-opportunità li jerġa’ jieħu r-riedni f’idejh u jkun hemm fit-tmun persuna li temmen fil-valur tal-onestà u tal-integrità. Il-pajjiż se jkollu opportunità li jkollu Prim Ministru li barra minn Malta ma jmurx b’dell ikrah ta’ korruzzjoni.
Mario de Marco qal li l-poplu jrid bidu ġdid għal pajjiżna. Is-siegħa t-tajba għall-poplu Malti waslet u l-poplu se jaħtafha. Bl-appoġġ tal-poplu, il-pajjiż se jerġa’ jakkwista r-rebħa għaliex l-għajta tal-poplu hi, “Jien nagħżel Malta”.
//= $special ?>