#muscatgate Lokali

“Minn skrivan tal-bank għall-miljunarju” – Il-kobba mħabbla ta’ Keith Schembri

Analiżi tal-kontijiet u kumpaniji ta' Keith Schembri minn The Sunday Times of Malta

Minn skrivan tal-bank għall-miljunarju – dan hu l-benefiċċju li tkun l-eqreb persuna viċin Joseph Muscat – u wieħed mill-aktar nies b’poter fil-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Il-gazzetta The Sunday Times of Malta ddedikat paġna sħiħa dwar il-flejjes suspettużi fil-kontijiet ta’ Keith Schembri – bit-titlu jaqra: ‘Il-kobba mħabbla ta’ Keith Schembri’.

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri hu l-persuna li hekk kif ġie żvelat fl-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers, instab li għandu diversi kontjiet lokali u anke offshore. Għaldaqstant, wara dak kollu li ħareġ u li juri biċ-ċar li Keith Schembri bill subajgħ f’diversi transazzjonijiet dubjużi – The Sunday Times of Malta elenkat id-diversi fatti fin-numru kbir ta’ skandlu li kien involut fihom Keith Schembri:

Din il-gazzetta żvelat li l-imperu ta’ Keith Schembri hu mibni b’kuntatti ma’ aktar minn għoxrin kumpanija f’Malta u barra – u b’hekk qiegħed diġa’ pożizzjoni ta’ kunflitt ta’ interess hekk kif fil-kariga ta’ Chief of Staff tal-Prim Ministru jrid iħares lejn l-interess nazzjonali, iżda fuq in-naħa l-oħra jrid jissalvagwardja butu.

L-ewwel skandlu li The Times semmiet kien il-business deals li saru bejn Keith Schembri u l-eks Direttur Maniġerjali ta’ The Times of Malta stess Adrian Hillman – b’self ta’ 1.5 miljun ewro lil gazzetta. Adrian Hillman kellu jirreżenja minħabba dawn il-flejjes.

Skandlu ieħor – Keith Schembri għal darb’oħra għamel self f’żewġ pagamenti, li flimkien jammontaw għall-100,000 ewro lil Brian Tonna, u li bħalissa għaddejja Inkjesta Maġisterjali kriminali fuqhom it-tnejn. Fuq dan il-każ Simon Busuttil ressaq provi fil-Qorti dwar kickbacks li Keith Schembri daħħal mill-iskandlu tal-bejgħ tal-passaporti.

Sar magħruf ukoll li Keith Schembri għandu żewġ kumpaniji b’ammonti kbar ta’ flejjes fihom u li huma kumpaniji sigrieti fil-Panama u fil-British Virgin Islands – żewġ pajjiżi b’reputazzjoni ħażina ta’ ħasil ta’ flus.

Iżda minkejja dan kollu – il-provi ċari flimkien ma’ inkjesta kriminali li għaddejja fuqu – Joseph Muscat jibqa’ jiddefendih akkost ta’ kollox.