Joseph Muscat jinsab f’dinja għalih – dan meta minflok indirizza d-diversi skandli, problemi u instabilita’ kbira li hawn fil-pajjiż – Joseph Muscat għażel li jkompli bit-tattika ta’ negattivita’ u biża’.
Fil-Mass Meeting tal-Partit Laburista fin-Naxxar, Joseph Muscat fl-ebda mument ma semma’ kif farfar mir-responsabilta’ politika dwar iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri. Fl-ebda mument ma semma kif hu stess jinsab taħt inkjesta kriminali, u fl-ebda mument ma semma kif minflok ħa azzjoni neħħa lil kull min hu direttament involut fl-iskandlu li ħakem lill-Gvern tiegħu tal-kumpaniji sigrieti u kickbacks mill-bejgħ tal-passaporti – Joseph Muscat għażel li jaħrab mir-realta’.
Iżda Joseph Muscat kompla bit-tattika negattiva tiegħu – dik li jbeżża lill-poplu Malti milli nhar it-3 ta’ Ġunju jagħżel lill-Partit Nazzjonalista. Kliem li jikkuntrasta ħafna ma’ dak li hu stess kien jgħid 4 snin ilu.
Joseph Muscat stqarr li hu żamm kelmtu – iżda nesa dwar il-wegħdi ta’ meritokrazija, trasparenza u kontabilita’ li fihom naqas bil-kbir mal-poplu Malti.
//= $special ?>