Elezzjoni 2017 Lokali

Proposti intiżi biex titnaqqas id-diskriminazzjoni

Il-proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista f’bosta oqsma għandhom l-għan preċiż li titnaqqas id-diskriminazzjoni. Sostniet dan l-Inġinier Amy Camilleri Zahra meta indirizzat l-attivita’ taħt it-tinda organizzata mill-Partit Nazzjonalista fi Pjazza San Nikola fis-Siġġiewi.

Hi semmiet fost oħrajn il-proposta li l-ġenituri ta’ tfal b’diżabilita’ jingħataw għajnuna sabiex ikun ingaġġat LSA f’summer school. Bħalissa, dawn il-ġenituri ikollhom iħallsu għal dan is-servizz, u din hi diskriminazzjoni ma’ ġenituri li għandhom tfal b’diżabilita’, sostniet Amy Camilleri Zahra. L-istess ħsieb jinsab ukoll wara l-proposta li r-romol ikunu jistgħu jirċievu il-pensjoni ta’ żwieġhom.

Tkellem ukoll Eddie Gatt li ilu jaħdem fil-qasam tal-benefiċċji soċjali għal 42 sena. Hu qal li l-proposti tal-PN se jkunu ta’ avvanz għall-ħaddiema Maltin. Hu qal li dawn il-proposti ma sarux minn dilettanti iżda minn esperti u l-figuri msemmija huma preċiżi.

Fl-intervent tiegħu, id-Deputat Stephen Spiteri qal li għal dak li għandu x’jaqsam mal-Housing, dan żgur ma kienx l-aqwa żmien għal pajjiżna. Hu qal li minħabba li sploda l-prezz tal-kera, żdiedu ħafna każi fejn familji li kienu jikru mingħand sidien privati, qed iħallsu kważi nofs id-dħul tagħhom f’kera.

Hu fakkar fil-proposti tal-PN li jibda mill-ġdid programm ta’ bini ta’ housing soċjali sabiex familji fil-bżonn jingħataw id-dinjita’ li jixirqilhom. Fl-istess waqt, Gvern Nazzjonalista ġdid jissussidja lil min qed jikri mingħand il-privat u jirrifondi l-kirjiet li għolla l-Gvern ta’ Muscat. Stephen Spiteri qal li issa li wasslet l-elezzjoni, il-Gvern qed jibgħat iċ-ċekkijiet id-dar, wara li għal 4 snin sħaħ ma ddejjaq xejn jieħu dawk il-flus minn ħalq dawn il-familji.

Stephen Spiteri qal li kuntrarju għal Muscat, li tefagħhom fi skema biex iħaxxen il-bwiet tal-GWU, Gvern Nazzjonalista se jiġġieled il-prekarjat u se jdaħħal bis-serjeta’ il-kunċett “Equal pay for Equal work”.

Ix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici qalet li ninsabu f’elezzjoni għaliex Muscat ma riedx jirriżenja wara li tlieta min-nies, biex jixxaħħmu, fnew il-pajjiż fil-korruzzjoni, Fl-istess waqt il-PN qed iressaq l-aqwa proposti li qatt ressaq b’risq l-anzjani.

Hi qalet li filwaqt li Gvern Laburista sparpalja l-miljuni fuq ftit min-nies f’dawn l-aħħar erba’ snin, il-PN se jkun qed jeżenta l-pensjonanti kollha mit-taxxa. Hi qalet li mhux sew li min ħadem għomru kollu u jħallas it-taxxi, għandu jkompli jħallas it-taxxi wara li rtira. Barraminhekk, il-pensjoni minima nazzjonali se tiżdied sal-livell tal-paga minima nazzjonali.

Paula Mifsud Bonnici qalet li l-PN irid li l-anzjani jgħixu ħajja komda u għalhekk ma jisparpaljax il-miljuni fuq Cafe’ Premier, Gaffarena u l-Australia Hall. Simon Busuttil qatt m’hu se jdaħħal l-eluf billi jikri l-karozza tiegħu lilu nnifsu u fi Gvern Nazzjonalista, ma’ jkun hemm ebda Sai Mizzi tibla’ €13,000 fix-xahar.

Hi qalet li filwaqt li din l-elezzjoni mhux dwar il-proposti, il-proposti mressqa mill-PN huma ntiżi biex igawdi minnhom kulħadd.