Futbol Sport

Roma jipposponu ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Juventus

Stephan El Shaarawy jiskorja l-gowl tal-vantaġġ ta' Roma (Ritratt: EPA)

RUMA – Fl-aktar partita mistennija, Roma għelbu lil Juventus 3-1 biex ipposponew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Juventus. Kienu Juventus li marru fil-vantaġġ fil-21 minuta ta’ MARIO LEMINA. Iżda r-reazzjoni immedjata ta’ Roma waslet fil-gowl tad-draw ta’ DANIELE DE ROSSI. Roma marru minn fuq fis-56 minuta permezz ta’ STEPHAN EL SHAARAWY biex RADJA NAINGGOLAN għamilhom 3-1 fil-65 minuta.

MILAN – Inter komplew bis-serje negattiva meta tilfu f’darhom ukoll kontra Sassuolo 2-1 biex issa kisbu biss żewġ punti mill-aħħar tmien partiti. PIETRO IEMMELLO fetaħ l-iskor fis-36 minuta meta skorja b’xutt minn pożizzjoni ċentrali wara żball fid-difiża ta’ Inter. L-iskor sar 2-0 fil-50 minuta meta reġa’ kien PIETRO IEMMELLO li mill-viċin għeleb lil Handanovic.

TURIN – Napoli komplew jitfgħu l-pressjoni fuq Roma b’rebħa kbira barra minn darhom ta’ 5-0 fuq Torino. JOSE CALLEJON fetaħ l-iskor fit-tmien minuta b’xutt djagonali, biex LORENZO INSIGNE rdoppja mas-siegħa logħob wara li ħa vantaġġ minn spazju fid-difiża avversarja. Napoli għalqu l-logħba fit-73 b’xutt fuq l-ewwel lasta ta’ DRIES MERTENS. JOSE CALLEJON skorja t-tieni gowl personali f’lasta vojta biex PIOTR ZIELINSKI niżżel ismu wkoll fost l-iskorers minuta wara.

CROTONE – It-taqtigħa fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika kompliet tintensifika hekk kif Crotone kisbu s-seba’ riżultat pożittiv b’mod konsekuttiv wara li fi Stadio Enzo Scida għelbu lil Udinese 1-0. Il-gowl tar-rebħa ġie skorjat fis-17-il minuta b’gowl mill-viċin ta’ MARCUS ROHDEN.

PALERMO – Genoa tilfu 1-0 fi Stadio Renzo Barbera kontra Palermo. Il-gowl deċiżiv kien skorjat fit-13-il minuta b’daqqa ta’ ANDREA RISPOLI li qabżet il-linja.

CAGLIARI – Empoli tilfu wkoll f’Sardenja 3-2 kontra Cagliari. MARCO SAU u doppjetta ta’ DIEGO FARIAS fetħu vantaġġ ta’ tliet gowls għal Cagliari fl-ewwel taqsima. Empoli skorjaw żewġ gowls lejn it-tmiem minn MIHA ZAJC u MASSIMO MACCARONE iżda ma rnexxielhomx isalvaw xi ħaġa mil-logħba.

BOLOGNA – Bologna għelbu lil Pescara 3-1 fi Stadio Renato dell’Ara. MATTIA DESTRO fetaħ l-iskor għal Bologna wara tmien minuti b’daqqa ta’ ras, iżda JEAN BAHEBECK ġab id-draw b’xutt fuq l-ewwel lasta. FEDERICO DI FRANCESCO reġa’ poġġa lil Bologna fil-vantaġġ fit-48 minuta b’konklużjoni mill-viċin, biex MATTIA DESTRO għalaq il-logħba fid-90 minuta b’xutt fil-baxx.

GENOVA – Sampdoria u Chievo spiċċaw fi draw ta’ 1-1 fi Stadio Marassi. FABIO QUAGLIARELLA fetaħ l-iskor għal Blucerchiati fil-11-il minuta, iżda Chievo ġabu d-draw fil-bidu tat-tieni taqsima minn ROBERTO INGLESE.