Elezzjoni 2017 Lokali

Tinbidel id-data tad-dibattitu tal-Università wara offerta mill-Partit Nazzjonalista

Id-dibattitu bejn il-mexxejja fl-Università ta’ Malta, li kellu jsir it-Tlieta, issa ġie pospost għall-Erbgħa wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li ma kienx se jattendi.

Iktar kmieni, fi tweet, id-Direttur tal-Uffiċju Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista Matthew Bonett ħabbar li l-Partit Nazzjonalista offra li tinbidel id-data tad-dibattitu.

Kien għalhekk li ssejħet laqgħa urġenti li għaliha kienu mistiedna rappreżentanti tal-mexxejja tal-partiti kollha li se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Din il-laqgħa, deskritta bħala kordjali ħafna, wasslet għal qbil li tinbidel id-data biex b’hekk ikun akkomodat ukoll il-Prim Ministru.

Oriġinarjament, il-Kap tal-PN Simon Busuttil kien aċċetta l-istedina mingħajr kundizzjonijiet.

Intant se tiġi evitata sitwazzjoni bħal dik ta’ erba’ snin ilu fejn il-Partit Laburista ħa miegħu folla ta’ Laburisti li ħafna minnhom lanqas biss kienu studenti. Dan għaliex għal dan id-dibattitu, min se jattendi jrid japplika minn sistemà onlajn li hi aċċessibbli biss għall-istudenti reġistrati.