Tottenham rebħu l-aħħar logħba tagħhom f’White Hart Lane wara li għelbu lil Manchester United 2-1, biex ir-Red Devils sofrew it-tieni telfa konsekuttiva fil-kampjonat. Tottenham fetħu l-iskor fis-sitt minuta meta minn kross mix-xellug, kien VICTOR WANYAMA li żmarka ruħu minn ma’ Rooney u għeleb lil De Gea mill-viċin. L-iskor sar 2-0 fid-49 minuta, meta kien HARRY KANE li minn free-kick, antiċipa lil Chris Smalling u xellef il-ballun wara De Gea. Manchester United naqsu d-distakk fil-71 minuta, meta wara azzjoni personali ta’ Anthony Martial, kien il-captain WAYNE ROONEY li daħal tajjeb u għeleb lil Hugo Lloris mill-viċin.
Liverpool komplew jersqu lejn post fiċ-Champions League meta għelbu lil West Ham 4-0 fl-Olympic Stadium. DANIEL STURRIDGE fetaħ l-iskor fil-35 minuta meta għeleb in-nasba tal-offside, dar ma’ Adrian u skorja f’lasta vojta. L-iskor sar 2-0 fis-57 minuta, meta wara li xutt mid-distanza ta’ Wijnaldum ħabat mal-mimduda, kien PHILIPPE COUTINHO li dar ma’ diversi avversarji u għeleb lil Adrian. COUTINHO reġa’ skorja erba’ minuti wara, b’DIVOCK ORIGI jgħaqqad il-poker mill-viċin kwarta mit-tmiem.
Crystal Palace kkundannaw lil Hull għaċ-Championship wara rebħa kbira ta’ 4-0, f’konfront dirett. Palace fil-vantaġġ wara tliet minuti b’gowl ta’ WILFRIED ZAHA li ħa vantaġġ minn indeċiżjoni ta’ Ranocchia. CHRISTIAN BENTEKE rdoppja l-iskor fl-34 minuta b’daqqa ta’ ras minn azzjoni ta’ korner. LUKA MILIVOJEVIC għalaq il-logħba fil-85 minuta minn penalty, biex PATRICK VAN AANHOLT ssiġilla r-rebħa mill-viċin fid-90 minuta.
//= $special ?>