Internazzjonali

Edouard Philippe jinħatar Prim Ministru ta’ Franza

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, għażel lil Edouard Philippe, sindku taċ-ċentru-lemin, bħala l-Prim Ministru ġdid ta’ pajjiżu.

Philippe, li għandu 46 sena, ma jiffurmax parti mill-partit ġdid taċ-ċentru ta’ Macron iżda ġej mill-grupp tar-Repubblikani taċ-ċentru-lemin. Għaldaqstant, l-għażla tiegħu bħala Prim Ministru titqies bħala tentattiv biex it-Tmexxija ta’ Franza tinvolvi personalitajiet ewlenin li jirrappreżentaw il-lemin u x-xellug tal-politika nazzjonali.

Intant, din l-ewwel ‘ħatra kbira’ minn Macron segwiet sigħat ta’ spekulazzjoni bla rażan fi Franza, fejn Philippe, sa ftit ilu is-sindku ta’ Le Havre, kien qed jissemma minn qabel bħala favorit għall-kariga.

Edouard Philippe ilu meqjus bħala qrib ta’ Alaine Juppe, li, f’Novembru, spiċċa t-tieni fit-tellieqa għan-nomina tal-Partit Repubblikan għall-Presidenza ta’ Franza, Min-naħa tiegħu, Juppe faħħar l-għażla ta’ Philippe bħala Prim Ministru Franċiż waqt li fissru bħala persuna ‘ta’ talenti kbar’.

Emmanuel Macron, li għandu 39 sena, u li għamel żmien bħala Ministru għall-Ekonomija, kien inawgurat, nhar il-Ħadd, bħala l-President ġdid ta’ Franza waqt ċertimonja fil-Palazz Elysee ta’ Pariġi. Hu, ix-xahar id-dieħel, jiffaċċja elezzjonijiet parlamentari kruċjali u, f’dawn il-jiem, jista’ jeħtieġ l-appoġġ taċ-ċentru-lemin biex jixpruna r-riformi ppjanati għall-ekonomija.

Il-partit ġdid ta’ Macron, il-La Republique en Marche, il-ġimgħa l-oħra ħabbar lista ta’ 428 kandidati – nofshom nisa – li se jikkuntestaw l-elezzjonijiet parlamentari.