Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: “Inpoġġu l-interess ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella lin-nies ta’ Bormla u tal-Kottonera biex fl-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju jpoġġu l-interess ta’ pajjiżna l-ewwel u qabel kollox.

Hu kien qed jitkellem waqt l-attivita’ politika Niltaqgħu mal-Kandidati li saret Taħt it-Tinda f’Bormla u kellha t-tema, Jien Nagħżel Malta.

Simon Busuttil qal li hu konxju li Bormla tirrappreżenta xi ħaġa kbira u flimkien mal-Kottonera kienet meqjusa bħala fortizza tal-Partit Laburista. Hu qal li jaf li Bormla tirrappreżenta ħafna affarijiet l-iktar għall-Laburisti u l-Mintoffjani. Qal li jiġi f’Bormla b’umilta u sinċerita’ u jaf kemm il-darba tkellem Mintoff u n-nies appoġġjawh u emmnu fih għax bħalu jemmnu li Malta għandha tiġi l-ewwel u qabel kollox.

Simon Busuttil qal li n-nies baqgħu jappoġġjaw lil Mintoff anke wara li fl-1998 waqqa’ lill-Gvern Laburista wara sentejn biss għax ma riedx li x-xatt tal-Birgu jingħata lill-barrani u dejjem emmen li Malta għalih kienet tiġi l-ewwel.

Simon Busuttil staqsa kemm Mintoff kien aktar iwaqqa’ lill-Gvern tal-llum meta jara li l-Gvern Laburista jbiegħ lill-pajjiżna lill-barrani.

Hu appella lil dawk leali lejn il-pajjiż biex fit-3 ta’ Ġunju jpoġġu lil Malta l-ewwel u qabel kollox u bil-vot tagħhom jeħilsu minn dawk li żebilħu isem pajjiżna. Simon Busuttil qal li rridu nagħżlu bejn l-interessi tat-tlieta min-nies li ħatfu lil pajjiżna jew l-interess ta’ pajjiżna. Qal li dawn qed jagħmlu minn kollox biex jirbħu għax għandhom wisq x’jitilfu u għalhekk qed jippruvaw jixtru l-voti tan-nies anke bl-iktar mod baxx.

Hu qal li m’għandux dubju li dawk li ħadu xi ħaġa bi dritt, ħadd m’hu se jżommhom biex jivvotaw favur Malta.

Qal li ż-żewġ partiti qed jagħmlu l-proposti u l-PN qed jagħmel l-proposti fuq l-ekonomija biex din tkun ekonomija għan-nies.

Simon Busuttil irrefera wkoll għall-proposti tal-Partit Nazzjonalista favur l-ekonomija u dawk għal persuni b’diżabbilta’ u l-familji tagħhom. Il-Kap tal-PN temm li l-għazla fit-3 ta’ Ġunju se tkun waħda ċara, dik li nagħżlu lkoll Malta.

Tags