#muscatgate Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: Muscat jgħid li ma jridx iwieġeb mistoqsijiet dwar Godfrey Farrugia

Jiddeskrivi mistoqsijiet dwar Godfrey Farrugia bħala 'provokazzjoni'

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kontinwament qed jirrifjuta li jikkummenta fuq l-istqarrijiet b’saħħithom li għamel l-eks Deputat Laburista Godfrey Farrugia fl-aħħar jiem.

Fil-jiem li għaddew, Godfrey Farrugia mhux biss irriżenja għal kollox mill-Partit Laburista, iżda saħansitra ngħaqad mal-Partit Demokratiku u mal-Forza Nazzjonali waqt li lbieraħ indirizza mass meeting tal-Forza Nazzjonali.

“Mhux ħa niġi provokat li noqgħod nidħol f’battibekk ma’ Godfrey Farrugia” qal il-Prim Ministru, evidentament imbarazzat bis-sitwazzjoni. Godfrey Farrugia mhux biss kien Ministru tal-Gvern Laburista iżda anke whip tal-Grupp Parlamentari Laburista. Muscat qal dan waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-Barrakka t’Isfel.

Ilbieraħ, quddiem eluf kbar ta’ Maltin li nġabru f’Ħaż-Żebbuġ, Godfrey Farrugia qal li ma setax jibqa’ sieket quddiem il-qerq tal-klikka. Żied li l-poplu għandu jibża’ biss jekk jitla’ l-Partit Laburista fil-Gvern, waqt li fl-aħħar jiem qal li l-Partit Laburista żamm ismu iżda tilef ruħu.

Ġimgħatejn ilu, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva lil Farrugia bħala ‘ġenwin’.

Ritratt: Aatu Kankkuken