Internazzjonali

Il-Europol: Twissija dwar l-attakki fuq is-sistemi tal-kompjuter

 

Wara l-attakk li kien hemm nhar il-Ġimgħa fuq is-sistemi tal-kompjuters madwar id-dinja, l-aġenzija tal-Pulizija Ewropea, il-Europol, wissiet li wieħed għandu jistenna aktar minn dawn.

L-esperti saħansitra wissew li llum it-Tnejn jista’ jeħħ attakk ieħor kbir fuq is-sistemi tal-kompjuters madwar id-dinja.

Rob Wainwright, il-kap tal-Europol, qal li l-attakk kien bla preċedent u kien hemm 200,000 vittma f’150 pajjiż.

Fl-attakk, virus ħa l-kontroll tal-kompjuters u għalaq il-files kollha. Biex jinfetħu ntalab pagament. Ir-Russja u r-Renju Unit kienu fost il-pajjiżi milquta l-agħar; anki l-computers tal-isptarijiet jispiċċaw fil-mira.

L-esperti issa qed iħeġġu lin-nies jassiguraw li l-protezzjoni għal kontra l-viruses li għandhom fil-kompjuters tagħhom ikunu aġġornati.

Il-Europol bassret li ħaddiema li jidħlu għax-xogħol jistgħu jixprunaw il-virus ‘fis-sistema’ ladarba jixgħelu l-kompjuters — bil-virus jiċċirkola minn kompjuter għal ieħor.

Il-kap tal-Europol qal li l-aġenzija Ewropea kienet qed taħdem mal-FBI biex jinstabu r-responsabbli, u l-indikazzjonijiet huma li aktar minn persuna waħda kienu involuti.

L-esperti qalu li dan il-virus qed japprofitta minn dgħufija fil-Microsoft Windows li kien identifikat għall-ewwel min-National Security Agency Amerikana.