Internazzjonali

Il-Korea komunista ppruvat ‘tip ġdid ta’ rokit ballistiku’

 

Il-Korea ta’ Fuq komunista qalet li l-missila li ppruvat nhar il-Ħadd kienet tip ġdid ta’ rokit li jista’ jġorr warhead nukleari ta’ kalibru sostanzjali. Il-kelliema komunisti spjegaw ukoll li l-prova kkonċentrat ‘fuq il-kapaċitajiet ballistiċi’ tar-rokit, li, waqt il-prova, ivvjaġġat għal xi 700 kilometru sakemm niżel fil-baħar, lejn il-Punent tal-Ġappun.

Intant, sorsi qrib il-Korea t’Isfel qalu li ma setgħux jivverifikaw l-istqarrijiet tal-ġar rigward il-prova. Madankollu, il-missili li qed ikunu pruvati mill-Korea komunista jidhru li huma kapaċi ‘biex joħorġu u jerġgħu jidħlu fl-atmosfera’, bħala element kruċjali għall-iżvilupp tal-missili ballistiċi interkontinentali.

Il-provi tal-missili kontinwi mill-Korea komunista mhux dejjem irnexxew, iżda qed isiru kollha b’abbuż sfaċċat tas-sanzjonijiet min-naħa tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-istess provi qajjmu allarm kbir fost il-pajjiżi tal-Asja, fost it-tensjoni akuta bejn ir-reġim Korean komunista fi Pyongyang u l-Istati Uniti. Intant, l-Istati Uniti u l-Ġappun, issa, sejħu għal laqgħa ta’ emerġenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jindirizzaw l-aħħar żviluppi, b’din il-laqgħa mistennija ssir għada.