Elezzjoni 2017 Lokali

Illejla f’Bormla, jitkellmu l-kandidati tat-2 distrett

Waqt l-attivitá ‘Niltaqgħu mal-Kandidati’ bit-tema Jien ‘Nagħżel Malta’ li saret Taħt it-Tinda viċin il-Baċir Numru Wieħed f’Bormla tkellmu wkoll il-kandidati li se jikkontestaw it-Tieni Distrett elettorali f’isem il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku li flimkien jiffurmaw il-forza nazzjonali.

Ivan Bartolo qabbel l-elezzjoni tal-1998 mal-elezzjoni ta’ din is-sena. Hu appella lin-nies tal-Kottonera biex joqogħdu attenti u jaħdmu biex jeħilsu minn dan il-Gvern korrott.

Il-kandidat tal-Partit Demokratiku Malcolm Bezzina qal li aktar nies qed jilqgħu l-istedina biex jisimgħu il-verita’. Hu qal li erba’ snin minn meta ħa l-poter, Joseph Muscat sejjaħ elezzjoni sena kmieni u qed jipprova jixtri l-voti bil-pjaċiri.

Mary Bezzina qalet li determinati li jaħdmu biex lil Malta nagħtuha l-premju tas-sewwa u tal-onesta. Hi qalet li fit-3 ta’ Ġunju se nivvutaw biex nagħtu d-dinjità u d-drittijiet lill-poplu u biex inservu u mhux nisservew.

Charles Bonello qal li s-suġġett tal-elezzjoni ġenerali li ġejja hi l-korruzzjoni u l-għażla għandha tkun favur l-onesta’. Hu qal li l-PN hu l-Partit tal-Kottonera u fakkar li saru ħafna proġetti fiż-żona tal-Kottonera minn gvernijiet immexxija mill-PN.

Doris Borg tkellmet dwar l-inġustizzji u l-korruzzjoni u qalet li Malta qed titlef il-kredibbiltà tagħha. Imma fuq in-naħa l-oħra hemm il-PN bil-kap Simon Busuttil li qed jagħmel proposti biex tissaħħaħ l-għaqda u l-ugwaljanza.

Kevin Cassar qal li meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama, Joseph Muscat iddefenda lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri. Hu qal li l-Pulizija kellhom rapport dwar tixħin serju imma baqgħu m’għamlu xejn. Qal li n-nies tal-Kottonera m’għandhomx jibzgħu jivvutaw lil forza nazzjonali.

Il-kandidat Errol Cutajar qal li hu ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn in-naha ta’ fuq u in-naħa t’isfel ta’ Malta imma aħna lkoll Maltin u rridu nagħmlu l-aħjar għażliet għal pajjiżna.

Salvu Mallia appella lil hutu l-Laburisti jaraw b’min hu mdawwar illum Joseph Muscat fosthom tlett barranin għall-Partit Laburista, Konrad Mizzi, Keith Schembri u Brian Tonna li qed jiddettaw huma t-tmexxija ta’ pajjiżna.

Angelo Micallef qal li hu rrabjat għal dak li ġara fl-aħħar erba snin għax il-Gvern Laburista m’għamel xejn għal Kottonera. Imma kien impenjat biss biex iħaxxen butu u nesa lill-pensjonanti u lill-familji. Hu qal li hu kburi li jinsab fil-forza nazzjonali u qed jaħdem biex Simon Busuttil ikun il-Prim Ministru ta’ Malta.

Josie Muscat qal li l-progress f’pajjiżna beda fl-indipendenza b’mexxejja bħal Borg Olivier, Mintoff u Fenech Adami. Qal li issa se jkun Simon Busuttil li bħala il-Prim Ministru l-ġdid se jnaddaf lill-Kastilja mill-korruzzjoni. Hu qal li l-kandidati se jaħdmu biex iġibu l-investiment lejn iż-żona tal-Kottonera.

Stephen Spiteri kandidat ieħor fuq it-Tieni Distrett qal li dan il-Gvern tilef kull sens ta’ ruħ soċjali anke għall-Kottonera. Hu qal li fil-Kottonera hemm problema ta’ akkomdazzjoni soċjali u qal li l-Gvern Laburista m’għamel xejn ħlief għolla l-kera u żied il-faqar. Hu qal li l-Gvern Nazzjonalista qed joħroġ proposti biex ikabbar il-ġustizzja soċjali.

Ruben Teeling qal li l-folla preżenti uriet li l-Kottonera qegħda wara l-forza nazzjonali u wara l-Kap tal-PN Simon Busuttil. Hu qal li l-aħħar żewġ amministrazzjonijiet tal-Partit Laburista dawk ta’ Sant u ta’ Muscat ma komplewx sal-aħħar għax waqgħu qabel il-waqt minħabba diżastru ekonomiku u l-korruzzjoni.

L-ahhar kandidat li tkellem kien Jason Zammit li qal li l-politika fl-aħħar erba’ snin kien hemm min ħammiġha imma mhux kull min hu fil-politika hu maħmuġ. Hu qal li l-PN fil-Gvern dejjem ħadem biex jagħti taħriġ lill-ħaddiema biex ikollhom xogħol u pagi aħjar.