Fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-vittmi mill-marda tal-Ebola issa telgħu għal tliet persuni, filwaqt li hemm sitt persuni oħra li huma suspettati li huma infettati bil-virus.
Dan skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).
In-nies bdew juru sintomi tal-Ebola madwar it-22 ta’ April fil-provinċja ta’ Bas-Uele, fit-Tramuntana tal-pajjiż.
Ir-reġjun affettwat hu 1,300 mil fil-Grigal tal-kapitali Kinshasa, mal-fruntiera mar-Repubblika Ċentrali Afrikana. Iz-zona hi remota ħafna u l-uffiċjali tal-WHO qalu li kienu fortunati li setgħu jintervjenu malajr. Infatti fi tmiem il-ġimgħa, diġà bdew jaslu l-ewwel esperti tal-WHO.
Bejn l-2014 u l-2015 kien hemm aktar minn 11,000 persuna li mietu minħabba l-Ebola fil-Ginea, is-Sierra Leone u l-Liberja.
Fl-2014 kien intlaqat ukoll il-Kongo, fejn aktar minn 40 persuna tilfu ħajjithom.
Il-WHO fissret il-każi tal-Kongo bħala “kriżi fis-saħħa pubblika ta’ importanza internazzjonali”. Imma fl-istess ħin intqal li ma kienx hemm lok ta’ paniku.
Issa wkoll fil-Kongo bdiet investigazzjoni biex ikun magħruf x’wassal biex terġa’ tfeġġ il-marda wara l-każi tal-2014, meta l-pajjiż kien dam tliet xhur biex ġab is-sitwazzjoni taħt kontroll.
//= $special ?>