Elezzjoni 2017 Lokali

L-Arċisqof b’messaġġ ċar kontra l-korruzzjoni u l-velenu tal-gidba

Il-ġustizzja soċjali titlob li min jiggverna jħares il-prinċipji importanti tal-verità u tal-ġid komuni – L-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna

Il-politika trid tkun l-arti tal-imħabba li taħseb fil-ġid komuni. Li l-politika taħdem għall-interessi tal-ftit hu kontro-politika, hu l-antipolitika. Il-ġustizzja soċjali titlob li min jiggverna jħares il-prinċipji importanti tal-verità u tal-ġid komuni.

Hekk qal l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna f’messaġġ li wassal waqt konferenza mnedija mis-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika Maltija fi tmiem il-ġimgħa bit-tema ‘Soċjetà Ġusta Għal Żminijietna’.

Hu kkwota lill-Papa Franġisku li fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Il-Ferħ tal-Evanġelju (Evangelii Gaudium) jgħid li l-politika, meta mħaddma kif imiss minn dak li jkun, hi espressjoni tassew għolja tal-karità, tal-imħabba lejn il-proxxmu, għaliex qed taħdem favur il-ġid komuni.

L-Arċisqof qal ukoll li l-politika trid tirrifletti l-ġid komuni anki fil-protezzjoni tal-ambjent fejn għandu jkun protett is-sentiment qawwi tal-bniedem li hu u jkattar is-sbuħija ta’ madwaru, ikun qiegħed jiggarantixxi għalih innifsu, għal uliedu u għal ulied uliedu wkoll, ambjent li jgħin il-kwalità tal-ħajja tiegħu.

L-Arċisqof Scicluna qal li hu jitlob u jawgura lill-movimenti Kattoliċi fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta, biex waqt li jkomplu jirsistu f’attivitajiet ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ tifħir lil Alla u anki ta’ ritwali, jaħdmu wkoll biex fostna jkun hawn sentiment qawwi ta’ ġustizzja soċjali li joħloq l-ambjent fejn il-politiċi tagħna jkollhom il-libertà minn kull tentazzjoni ta’ favoritiżmu, ta’ klijenteliżmu, u jkollhom il-libertà jaħdmu għall-ġid komuni mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.

Hu tkellem ukoll dwar il-ġustizzja u qal li wara kollox din tfisser ukoll li dak li jkun jieħu dak li hu tiegħu bi dritt. U għalhekk, kompla l-Arċisqof, meta fis-soċjetà jinbtu l-veleni tal-korruzzjoni, il-velenu tal-gidba, il-bnedmin mhux biss titnaqqsilhom mid-dinjità tagħhom u tar-relazzjoni ta’ bejniethom, imma wkoll jidħol velenu li minflok iwassal għall-ġustizzja, iwassal għall-kunflitt soċjali.