Il-Pulizija fl-Italja qalet li wieħed mill-akbar ċentri tal-immigranti ilu aktar minn għaxar snin ‘f’idejn il-mafja’; bl-awtoritajiet, fl-aħħar sigħat, jarrestaw madwar 70 persuna li kienu jinkludu qassis lokali.
Jingħad li l-membri tal-familja kriminali ‘Arena’ għamlu l-flus b’li jipprovdu ‘tipi ta’ servizzi’ fil-komunità ta’ Isola di Capo Rizzuto (fin-nofsinar tal-Italja) filwaqt li ħadu għalihom il-fondi tal-Istat.
Qed ikun allegat li l-mafjużi użaw entità Kattolika ( u lokali) għall-karità bħala koperta għall-attivitajiet tagħhom, meta l-istess entità kienet qed tmexxi uffiċjalment liċ-ċentru għall-immigranti bl-isem Sant’Anna Cara. L-arrestati, intant, jinkludu l-Kap tal-Assoċjazzjoni (Kattolika) Misericordia li suppost tikkontrolla liċ-ċentru għall-immigranti inkwistjoni li għandu l-mijiet ta’ residenti.
Allegazzjoni oħra hi li l-membri tal-Arena — parti mis-sindikat kriminali ‘Ndrangheta — setgħu daħħlu ‘il fuq minn terz tal-100 miljun ewro, li fl-aħħar għaxar snin, kienu ‘immarkati għaċ-ċentru’. Dan meta jingħad li l-qassis arrestat, identifikat bħala Edoardo Scordio, din is-sena rċieva diġà 132,000 ewro għal ‘servizzi spiritwali’.
Il-Pulizija ta’ Catanzaro, fir-reġjun ta’ Kalabrija, qalu li ‘il fuq minn 500 membru tal-korp kienu involuti fl-arresti tas-suspettati li huma akkużati dwar ‘assoċjazzjoni mal-mafja’, kif ukoll b’konnessjoni ma’ rikatt; il-ġarr illegali ta’ armi; frodi u qerq għad-detriment tal-Istat u serq’.
//= $special ?>

