Min qed jigdeb? Il-Ministri lill-poplu li eleġġiehom? Jew Ram Tumluri u Ali Shaukat lill-banek u lill-investituri?
Dawn huma mistoqsijiet li osservatur politiku kiteb illum fil-gazzetta In-Nazzjon, hekk kif fl-artiklu tal-lum, l-ewwel minn sensiela li se jkunu qed jiġu ppubblikati fil-ġranet li ġejjin, janalizza d-dettalji kif il-Gvern ta’ Muscat irregala lill-barranin, lill-kumpanija VGH – jiġifieri Ram Tumuluri u Shaukat Ali (li kien viċin ħafna ta’ Gaddafi fil-Libja u ħarab, u li llum għandu passaport Malti) – l-isptarijiet Maltin fosthom l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li hu l-uniku sptar fil-gżira Għawdxija.
L-analiżi f’In-Nazzjon tagħti ħarsa lejn il-kapital tal-VGH taħt l-isem ta’ Cross Range Holdings, u l-pubblikazzjoni tal-ktejjeb b’informazzjoni u bl-għanijiet tal-proġetti li ftiehmu dwarhom mal-Gvern Malti – ftehim li sar qabel ma ħarġet sejħa pubblika ta’ interess jew għall-offerti għal min kien interessat fil-proġetti marbuta mal-isptarijiet – prattika li tmur kontra kull prinċipju tax-xiri pubbliku, fosthom trasparenza u trattament ugwali.
Fost l-oħrajn, f’paġna 10, il-ktejjeb jgħid li l-isptarijiet se jingħataw lil din il-kumpanija privata u barranija għal perjodu minimu ta’ 99 sena, iżda fl-istess ħin, il-Ministri Maltin rappreżentanti tal-poplu dejjem sostnew li l-perjodu hu ta’ 30 sena. Il-mistoqsija tiġi waħedha. Min qed jigdeb? Il-Ministri lill-poplu li eleġġiehom? Jew Ram Tumluri u Ali Shaukat lill-banek u lill-investituri?
Fl-istess paġna nsibu li l-Gvern Malti jrid li jgħaddi baġit maqbul bejn iż-żewġ partijiet lil din il-kumpanija, kull sena għal perjodu ta’ żmien. Dejjem skont dan il-ktejjeb, il-Gvern ta’ Malta Tagħna Lkoll, se jipprovdi garanzija fuq ħlas għal medda ta’ żmien fuq numru ta’ sodod. Dawn is-sodod diġà ntlaħaq qbil fuqhom, u l-ftehim jinkludi prezz minimu għall-kura akuta, kura fit-tul, u operazzjonijiet ta’ riabilitazzjoni.
Illum nafu li l-prezz minimu garantit hu €72 miljun fis-sena – prezz li jitħallas kemm jekk jintużaw, u kif ukoll jekk ma jintużawx dawn is-sodod. Dan ifisser li fid-9 ta’ Settembru 2015 il-kumpanija barranija li bdiet tieħu minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi €6 miljuni fix-xahar, fl-2016 tħallset ’il fuq minn €51 miljun, u fl-2017 se tkun xorbot aktar minn €72 miljun mill-ekonomija Maltija.
Gideb, ingann u ħabi kull fejn tħares
Il-Gvern ta’ Muscat bellagħha lill-poplu Malti u Għawdxi li l-kumpanija VGH se tonfoq €200 miljun fi proġetti biex b’hekk jitjiebu s-servizzi tas-saħħa f’Malta u Għawdex. Iżda f’paġna 11 tal-ktejjeb promozzjonali nsibu li l-kumpanija kienet qed tipprova tiġbor €164 miljun u mhux €250 miljun.
Biex iħajru lill-investituri, f’paġna 12 insibu wkoll li l-proprjetà li l-Gvern għadda lill-VGH illum tiswa €215-il miljun, u wara li jitlestew il-proġetti, l-istess proprjetà se tiġi tiswa €405 miljuni.
Dan kollu jistona, u meta wieħed jagħmel is-somom jinduna li dak li l-Gvern qed jgħid li din il-kumpanija se tinvesti fil-gżejjer tagħna hu ferm ’il bogħod minn dak li qed tipproġetta l-istess kumpanija.
Għalfejn il-ħabi?
Jirriżulta wkoll li skont il-fatti kif preżentati minn VGH, il-Gvern se jgħaddi jew diġà għadda proprjetà li tiswa €215-il miljun bla kera biex il-kumpanija VGH tagħmel kemxa flus minn fuq daharna.
U fuq dawn, din il-kumpanija diġà qed tirċievi €6 miljun fix-xahar, jiġifieri digà rċeviet €60 miljun li huma kważi nofs il-€164 miljun li l-kumpanija qalet li għandha bżonn. Fuq kollox, għal dawn is-€60 miljun li l-kumpanija barranija ħadet mill-Kaxxa ta’ Malta, għadna ma rajna xejn imkien. S’issa l-proġetti li suppost issarrfu fihom dawn il-flejjes għadhom kastelli fl-arja.
L-analiżi li jmiss mill-istess osservatur politiku fil-ħarġa ta’ għada ta’ In-Nazzjon.
//= $special ?>