Fost il-proposti konkreti tal-Partit Nazzjonalista għall-persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom hemm kema ta’ Life Plans, djar żgħar residenzjali fil-komunitá, għajnuna lil għaqdiet tas-soċjetà ċivili, pensjoni daqs il-paga minima nazzjonali għal diżabbiltà severa, għajnuna lill-ġenituri li jżommu lil uliedhom id-dar, żieda fl-Ispecial Children’s Allowance u summer school għat-tfal b’diżabbiltà.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt programm fuq Net Television li matulu ħabbar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista għal persuni b’diżabbiltà. Fil-programm kienu mistiedna wkoll Paula Mifsud Bonnici, Robert Cutajar, Amy Camilleri Zahra u Kevin Cutajar li taw ir-reazzjoni tagħhom għal dawn il-proposti.
Simon Busuttil spjega li din il-ġimgħa bdiet bil-proposti għal ekonomija għan-nies u l-proposti għal persuni b’diżabbiltà. Hu qal li għalissa kien se jippreżenta tmien proposti imma se jkun hemm oħrajn.
Hu spjega li waħda mill-problemi tal-ġenituri tal-persuni b’diżabbiltà hi x’jiġi minn uliedhom meta huma jiġi nieqsa. Għalhekk għandu jkun hemm ftehim bejn il-ġenituri u l-Gvern u jsir kuntratt f’forma ta’ trust tas-sehem tal-ġenituri u s-sehem tal-Gvern u b’hekk il-peruni b’diżabbiltà jkollhom skema ta’ Life Plans.
Se jiżdiedu dar residenzjali għal persuni b’diżabbilta fil-komunità għalkemm l-ewwel prijorità hi li persuna b’diżabbiltà tibqa’ tgħix f’darha. Joseph Muscat kien wiegħed li jagħmel dan imma baqa’ m’għamel xejn.
Għaqdiet tas-soċjetà ċivili li jgħinu persuni b’diżabbiltà permezz tal-volontarjat jitħallsu biex jagħtu servizz aħjar lil aktar nies b’diżabbiltà.
Simon Busuttil qal li minn meta tħabbret l-elezzjoni sena qabel iż-żmien, in-nies irrealizzaw kemm il-PN kien ippreparat u dan hu frott tal-ħidma li saret matul l-erba’ snin li għaddew. Hu qal li l-istil tal-PN hu li jispjega l-proposti tiegħu u mhux jattakka proposti li jsiru mill-Partit Laburista.
Il-Kap tal-PN qal li t-tieni set ta’ proposti għal persuni b’diżabbiltà huma immirati għal għajnuniet finanzjarji għal persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom. Il-pensjoni ta’ persuni b’diżabbiltà severa li ma jistgħux jaħdmu se togħla sal-paga minima nazzjonali. Min għandu diżabbiltà severa imma jista’ jaħem, jingħata pensjoni sħiħa ta’ diżabbiltà avolja jaħdem. Min kellu marda u jkollu diżabbiltà bħal amputazzjoni, jingħata dritt tal-pensjoni tal-persuni b’diżabbiltà.
Simon Busuttil qal li inizjattiva oħra hi l-Ispecial Childrens Allowance minn €20 titla’ għal €25 fil-ġimgħa. Tfal b’diżabbiltà se jkunu jistgħu jmorru Summer School billi jiddaħħlu aktar LSA’s apposta biex tfal b’diżabbiltà jmorru l-iskola fis-sajf bħal tfal oħra. Hu qal li f’pajjiżna hemm bżonn aktar LSA’s. Gvern ġdid Nazzjonalista se jgħin lil dawk li jużaw il-hearing aids diġitali. Se jkun hemm Service Dogs li jgħinu persuni b’diżabbiltà u dawn mhux biss għal dawk neqsin mid-dawl, imma anke għal persuni b’diżabbiltà oħra. Simon Busuttil qal li se tingħata għajnuna lil ġenituri fid-djar biex uliedhom b’diżabbiltà jkunu jistgħu jibqgħu iżommuhom magħhom.
Simon Busuttil qal li din hi politika għan-nies. Hu qal li dan hu mument importanti għax dawn huma l-proposti għal persuni b’diżabbiltà u dawn huma biss togħma ta’ dak li se jagħmel il-Partit Nazzjonalista fil-programm elettorali u jista’ jkun hemm aktar irfinar ta’ dawn il-proposti. Hu qal li permezz tas-sit forzanazzjonali.com wieħed jista’ jinkludi ideat oħra fattibbli li jistgħu jitwettqu u jidħlu fil-programm elettoralin tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju.
Dwar dawn il-proposti, Paula Mifsud Bonniċi qalet li saret konsultazzjoni wiesgħa dwar dawn il-proposti li ġejjin minn persuni b’diżabbiltà, familji u ġenituri u għaqdiet li jaħdmu f’dan is-settur. Hi qalet li l-ġenituri jixtiequ li jkollhom assigurazzjoni biex wara li jiġu nieqsa jkun hemm min jieħu ħsieb uliedhom.
Robert Cutajar qal li dan hu mument importanti għax l-erba’ snin ħidma li saret juru li l-PN jimpurtaħ minn dawn il-persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom Hu qal li messaġġ ċar hu li l-PN irid jagħmel differenza fil-ħajja ta’ dawn il-persuni biex wara t-3 ta’ Ġunju dawn il-proposti jibdew jitwettqu u ssir differenza.
Amy Camilleri Zahra qalet li s-soċjeta ma tistax timxi ’l quddiem jekk tinsa lil dawn in-nies b’diżabbiltà li wkoll jistgħu jagħtu kontribut lis-soċjetà. Hi qalet li l-proposta tal-Life Plan hi waħda tajba u tajjeb li l-persuni b’nuqqasijiet intellettwali jagħtu l-vuċi tagħhom għax jekk dawn iridu jibqgħu jgħixu f’darhom għandhom jingħataw l-għajuna u jekk iridu jmorru jgħixu f’xi istituzzjoni jistgħu jagħmlu dan. Amy Zahra qalet li proposta tajba ħafna hi li l-persuni b’diżabbiltà jibqgħu jgħixu fi djar żgħar fil-komunità.
Kevin Cutajar qal li hu kandidat tal-PN u hu wkoll persuna b’diżabbiltà minħabba nuqqas ta’ vista u għalhekk il-proposti jolqtuh b’mod dirett. Dwar il-proposta tal-NGO’s qal li hu ilu involut f’NGO dwar dawk neqsin mid-dawl għal 20 sena sħaħ u jħoss il-bżonn li jkun hemm għajnuna lil NGO li jaħdmu fis-settur biex is-servizzi jkunu provuti mill-NGO’s stess. Hu qal li dawk li jieħu s-servizzi importanti li jibqagħlhom id-dritt tal-għażla biex is-servizz jingħata bl-aħjar mod possibbli.
//= $special ?>