Kienu salvati 484 immigrant minn laneċ li kienu qed ibaħħru fil-Mediterran mill-Gwardja tal-Kosta Taljana. Din ħabbret ukoll li ma’ dawk salvati kienu nstabu l-katavri ta’ seba’ persuni, kollha rġiel.
S’issa din is-sena aktar minn 45,000 persuna żbarkaw fl-Italja bil-baħar mill-Afrika ta’ Fuq – żieda ta’ aktar minn 40 fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Hu magħruf li f’dawn il-vjaġġi, mal-1,222 persuna tilfu ħajjithom, skont l-International Organization for Migration.
F’dan l-aħħar grupp, l-immigranti kienu salvati fuq erba’ dinghies separati u fil-ħidma ħadu sehem il-forzi tas-sigurtà Taljani, vapur ta’ grupp umanitarju, kif ukoll żewġ bastimenti privati.
L-Italja bħalissa qed tistinka biex tlaħħaq mal-ammont ta’ immigranti li qed jidħlu fil-pajjiż, u dan meta l-anqas għadhom bdew ix-xhur tas-sajf, meta s-soltu l-vjaġġi tal-immigranti mil-Libja jiżdiedu.
Ir-rekord s’issa ta’ nies li żbarkaw fl-Italja kien fl-2016 meta kienu daħlu fl-Italja 181,000 immigrant.
//= $special ?>