Internazzjonali

Trump jiddefendi ‘skambju ta’ fatti’ mar-Russja

 

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump iddefenda l-fatt li hu qasam informazzjoni sensittiva mar-Russja waqt li insista li hu għamel dan ‘bi dritt assolut’ u fl-interessi tal-miżuri anti-terroristiċi li, fost oħrajn, jaċċertaw is-sigurtà tan-nies waqt it-titjiriet.

Donald Trump sostna li hu ma għamel xejn illegali bl-iskambju tal-fatti ‘assoċjati mat-terroriżmu u s-sigurtà tat-traffiku tal-ajru’. Hu, fl-istess ħin, insista li jrid li r-Russja tieħu aktar miżuri konkreti kontra t-terroriżmu u gruppi qattiela bħall-ISIS.

Trump, il-ġimgħa l-oħra, kien iltaqa’ mal-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, fl-Oval Office tal-White House; bl-istampa Amerikana tgħid li hu kien qasam miegħu informazzjoni sigrieta relatata għal xi kumplott potenzjali tal-ISIS.

Rapport fil- Washington Post qal, intant, li l-informazzjoni speċifika kienet ġejja minn sieħba tal-Istati Uniti li ma tatx il-permess biex id-dettalji jinqasmu mar-Russja — iżda Trump insista li għandu d-dritt kollu li jaġixxi fl-aħjar interessi tas-sigurtà. Dan meta l-Post qal li Trump kien qasam informazzjoni mill-aktar sigrieta u x’aktarx relatata ‘għall-użu ta’ kompjuters (ta’ tip laptop) fuq l-ajruplani’.

Matul il-kampanja għall-Presidenza tal-Istati Uniti, Donald Trump ikkritika ripetutament lill-kandidat tal-Partit Demokratiku, Hillary Clinton dwar il-mod kif hi kienet ħadet ħsieb ċertu materjal sensittiv.

U waqt li l-President Amerikan għandu l-awtorità biex jiddeklassifika l-informazzjoni, l-azzjoni speċifika ta’ Trump qanqlet kritika kbira mingħand id-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni u sejħiet għal spjegazzjoni mingħand il-Partit Repubblikan tiegħu stess.