Internazzjonali

Beda round ġdid ta’ taħditiet għal paċi fis-Sirja

In-Nazzjonijiet Uniti illum, fl-Iżvizzera, laqqgħet round ġdid ta’ taħditiet indiretti dwar il-paċi fis-Sirja. Id-djalogu f’Ġinevra seħħ minkejja li l-President Sirjan, Bashar al-Assad, kien warrab għall-proċess bħala wieħed ‘irrelevanti’.

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni tas-Sirja qablu biex jiddiskutu t-tranżizzjoni politika u Kostituzzjoni ġdida għal pajjiżhom, b’suġġetti oħra fuq l-aġenda jinkludu l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet u l-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Filwaqt li l-President Assad qal li ‘m’għandu joħroġ xejn sostanzjali’ mit-taħditiet, ir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sirja, Staffan de Mistura, insista li d-delegazzjoni tal-Gvern Sirjan (magħmulha minn 18 il-membru) kienet marret f’Ġinevra bir-rieda li tiżblokka s-sitwazzjoni.

Ħames rounds preċedenti ta’ negozjati ftit għamlu progress lejn soluzzjoni politika għall-konflitt ċivili tas-Sirja, li ilha għaddejja sitt snin u li ħalliet ‘il fuq minn 300,000 mejtin.