Jappella lill-poplu jimmaġina kif tkun Malta jekk terġa’ tkun taħt Muscat u dawk ta’ madwaru
L-eks-Ministru u l-eks-Whip tal-Gvern ta’ Muscat, Godfrey Farrugia wissa lill-poplu jimmaġina kif tkun Malta minn hawn u ħames snin oħra jekk tkun taħt tmexxija ta’ Joseph Muscat u dawk ta’ madwaru.
Meta tkellem fl-attività organizzata mill-Partit Nazzjonalista lbieraħ filgħaxija, f’Ħaż-Żebbuġ, Godfrey Farrugia, li nhar is-Sibt irriżenja mill-Partit Laburista u se jikkontesta l-elezzjoni mal-Partit Demokratiku li ngħaqad mal-Partit Nazzjonalista fil-koalizzjoni Forza Nazzjonali, qal li għalih, l-ewwel tiġi dejjem Malta.
Appella lil dawk kollha ta’ rieda tajba jimmaġinaw x’jiġri mid-dinjità tal-bniedem, mis-settur tas-saħħa f’idejn min ikun, mis-sens tal-ambjent u l-fibra morali tal-pajjiż jekk Malta terġa’ tiġi taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat u l-klikka tiegħu.
Godfrey Farrugia esprima l-konvinzjoni tiegħu li jeżisti sens fejn intesiet l-irġulija, l-għaqal u l-bżulija biex għal mument it-tmexxija tgħatti xturha u l-pajjiż imur għal elezzjoni li hi kapriċċ f’mument meta Malta hi l-vetrina tal-Ewropa.
Hu fisser kif il-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ hi l-benniena tal-ambjent, tax-xogħol, tal-festi u tad-delizji fosthom il-kaċċa. F’dan il-mument ta’ verità, hu qal li hu konvint li jagħżel lil Malta għaliex minkejja li hi nazzjon żgħir, għandha valur kbir.
Għalhekk bħall-poplu, se jagħżel lil Malta.
//= $special ?>