Internazzjonali

Film ġdid ta’ Disney suġġett għat-theddid ta’ hackers

Il-kumpannija tal-films rinomata, Disney, żvelat li qed tkun mhedda minn hackers li qalu li se jiċċirkulaw wieħed mill-films tagħha li għad iridu joħorġu fis-swali taċ-ċinema dment li ma jitħallsux somma flus bħala rahan.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Disney, Bob Iger, informa lill-ħaddiema tad-Disney-ABC Television Group dwar it-theddida u waqt li ma semmiex il-film misruq, jidher li dan hu l-aħħar wieħed (il-ħames) fis-sensiela Pirates of the Caribbean, bl-isem Dead Men Tell No Tales.

Iger qal li ‘Disney qed tirrifjuta li tħallas’ u li l-istudjo tiegħu qed jaħdem u jikkoopera mal-investigaturi federali (fl-Istati Uniti) li qegħdin jaħdmu fuq il-każ.

Jidher li l-hackers insistew li jitħallsu bil-proċess tal-bitcoin u lesti joħorġu partijiet tal-film online, f’siltiet ta’ 20 minuta ‘il waħda, dment li t-talbiet tagħhom jibqgħu injorati.

Disney mhux l-ewwel film studio li spiċċa mhedded bil-leaks fuq l-Internet. Dan meta grupp ta’ hackers, ix-xahar li għadda, iċċirkulaw il-ħames staġun ta’ Orange is the New Black fuq l-Internet, wara li l-kumpannija Netflix irrifjutat li tħallas ir-rahan mitlub minnhom.