Il-mewġa ta’ nies li nġabret għall-Mass Meeting f’Ħaż-Żebbuġ il-Ħadd li għadda bgħatet messaġġ ċar: li l-poplu qam u huwa lest jieħu sehem minn din ir-responsabbiltà. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt attività taħt it-tinda f’Ħaż-Żebbuġ bit-tema ‘Jiena Nagħżel Malta’.
Quddiemna għandna sfida kbira, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, fejn erba’ persuni ħatfu mhux biss lill-Partit Laburista iżda wkoll lil pajjiżna, u issa huma lesti jagħmlu kollox biex ixejjnu lil min jipprova jiqfilhom. Simon Busuttil qal li l-poplu mhux se jħalli lil Joseph Muscat u sħabu jkomplu jaħtfu lil Malta.
Simon Busuttil qal li meta daħal fil-politika Maltija erba’ snin ilu, ħass li din hija mimlija għajjat, ġlied u firda. Huwa qal li, affaċjat b’din is-sitwazzjoni, huwa kellu jagħmel għażla bejn li jħalli kollox warajh u jitlaq inkella li jagħmel xi ħaġa biex jibdel l-affarijiet. Huwa qal li dik hjia d-deċiżjoni li ħa erba’ snin ilu meta ddeċida li jidħol għal din il-ħajja, u hija deċiżjoni li kompla jsaħħaħ matul iż-żmien.
Simon Busuttil qal li meta jara kif il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jinfetaħ għal nies oħra biex jingħaqad f’forza tar-raġuni jara li din id-deċiżjoni li għamel kienet il-waħda t-tajba. Huwa qal li l-isfida li qiegħda ġġib flimkien lil din il-Forza Nazzjonali hija t-tama li f’pajjiżna jkollna politika nadifa.
Minkejja li din l-Elezzjoni Ġenerali hija opportunità biex innaddfu ‘l pajjiżna darba għal dejjem, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, in-nies iridu wkoll ikunu jafu liema tip ta’ tmexxija se jkun hemm jekk il-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern.
//= $special ?>