Il-Malta Institute of Management fi stqarrija appellat lill-politiċi f’pajjiżna sabiex jindirizzaw ir-riskju li ntappnu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna
Il-Malta Institute of Management, il-MIM, qal li nnota diversi reazzjonijiet minn diversi pajjiżi dwar ix-xenarju politiku f’Malta u li sfortunatament dan ix-xenarju mhux jawgura tajjeb għas-settur tas-servizzi finanzjarji tal-pajjiż u li jekk ma jsir xejn dan ser ikollu effett anke fuq l-andament ekonomiku.
Hawn il-MIM appellat lill-MFSA, l-Awtorita’ għas-servizzi Finanzjarji, u lill-FIAU, il-Financial Intelligence Analysis Unit, sabiex jassiguraw li organizazzjonijiet fuq bażi individwali ma jkunux qed ikissru r-reputazzjoni ta’ pajjiżna li ħadna snin twal biex inbniet, ġenerazzjoni sħiħa. Wasal iż-żmien għal dawn iż-żewġ awtoritajiet sabiex jikkomunikaw u jispjegaw dak li qed jagħmlu biex f’pajjiżna l-organizazzjonijiet f’diversi setturi jżommu ċertu standards li pajjiżna hu tant kburi bihom. Il-MIM qalet wkoll li l-MFSA ma tistax tippermetti li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna titpoġġa anke fl-iċken riskju, mingħajr ma hi bħala Awtorita’ tieħu xi forma ta’ azzjoni.
Isemmi wkoll kif fl-aħħar konferenza internazzjonali li organizzaw bħala MIM, u li trattat it-tassazzjoni, il-konferenza ffukat aktar fuq l-aħħar żviluppi politiċi u l-aħħar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u kif dwar jaffettwaw l-andament ekonomiku.
L-istqarrija ttemm tgħid li il-ġid komuni tal-pajjiż għandu jkun prijorita’ għal kull politiku.
//= $special ?>