Illum waranofsinhar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil nieda 9 proposti favur il-ħarsien tal-annimali. Il-Kap tal-PN qal li l-poplu Malti għandu mħabba kbira lejn l-annimali. Dan jidher ukoll fir-reazzjoni mqanqla li jkun hemm meta joħorġu rapporti ta’ każi ta’ moħqrija tal-annimali.
Il-Proposti jinkludu: Għajnuna bis-saħħa lill-Animal Sanctuaries: Simon Busuttil sellem lill-ħafna volontieri li jaħdmu b’dedikazzjoni kbira u ftit li xejn ikollhom għajnuna. Hu qal li Gvern ġdid jappoġġja din il-ħidma.
Proposta oħra li jinbena ċimiterju u krematorju għall-annimali domestiċi. Il-Kap tal-PN qal li l-annimali huma parti inegrali tal-familja u għalhekk, il-familji se jkollhom post fejn il-pet tagħhom ikun trattat b’mod dinjituż. Proposta oħra hi l-introduzzjoni ta’ skema biex jitnaqqsu l-annimali li jiġġerrew fit-toroq permezz ta’ programm nazzjonali ta’ neutering u infurzar tas-sistema tal-microchip. Il-PN qed jipproponi wkoll il-projbizzjoni ta’ kullari li jagħtu xokk elettriku u pieni għal min iħalli l-annimali marbutin fl-istess post għal ħinijiet twal.
Gvern ġdid Nazzjonalista jibda ħidma biex jitneħħew mis-suq, veleni u pestiċidi li jistgħu joqtlu l-annimali.
Simon Busuttil semma wkoll erba’ proposti oħra li huma ta’ laqta iktar leġislattiva u amministrattiva. Il-proposti jinkludu; t-twaqqif ta’ kunsill nazzjonali tal-Animal Welfare li jġib flimkien esperti u rappreżentanti ta’ għaqiet. L-għan ewlieni ta’ dan il-kunsill nazzjonali hu li jissorvelja s-sitwazzjoni u jipproponi tibdil jew liġijiet ġodda. Fl-istess waqt, Gvern Nazzjonalista ġdid qed jipproponi tisħiħ ta’ liġijiet u l-awtoritajiet, iktar infurzar u pieni iktar ħorox. Proposta oħra hi t-tnedija ta’ kampanja ta’ edukazzjoni dwar trattament xieraq tal-annimali. Proposta oħra hi liġijiet iktar stretti li jirregolaw l-annimali eżotiċi.
Il-Kandidat Graziella Attard Previ qalet li dawn il-proposti huma għarfien ta’ kemm l-annimali huma għall-qalb in-nies u dawn il-proposti kienu żviluppati flimkien mal-FOIPN li jirriflettu konsultazzjoni wiesgħa mal-għaqdiet mhux governattivi, b’mod partikolari iċ-ċimiterju tal-annimali.
Id-Deputat Mario Galea fakkar li l-PN kien ressaq Private Member’s bill biex jitneħħa x-shock collar u biex il-klieb ma jinżammux marbutin fl-istess post il-ħin kollu. Dwar il-proposta li jitneħħa mis-suq ċertu veleni, Mario Galea qal li diversi veterinarji qalulu li kwantitajiet żgħar ħafna ta’ velenu tal-bebbux ikunu biżżejjed biex joqtlu kelb.
Il-Kandidat Janice Chetcuti faħħret lill-Kap tal-PN Simon Busuttil li minkejja ċ-ċirkostanzi tal-elezzjoni ġenerali, u affarijiet kruċjali bħall-korruzzjoni, il-PN xorta ħaseb f’dan is-settur li hu għal qalb ħafna nies. Hi qalet li dawn huma proposti fattibbli u saħqet li l-infurzar tal-miżuri hu importantissimu.
Il-Kandidat Evelyn Vella Brincat ferħet lil Simon Busuttil għall-kuxjenza li qed juri għall-welfare tal-annimali u n-nies li jaħdmu magħhom. Dan hu programm li juri imħabba lejn l-annimali.
//= $special ?>