Futbol Sport

Imut l-eks plejer internazzjonali Ronnie Cocks

Cocks kien meqjus bħala leġġenda tal-futbol Malti

Dalgħodu tħabbret il-mewt ta’ Ronnie Cocks, l-eks plejer internazzjonali tat-tim Malti.
Hu kien meqjus leġġenda fl-epoka tal-Istadium tal-Gżira, u kien ukoll captain tat-tim nazzjonali Malti.
Cocks beda jilgħab il-futbol fi skola f’tas-Sliema u meta kien għad kellu 13-il sena għamel id-debutt tiegħu ma’ Gżira Utd fit-Tieni Diviżjoni.

Wara sitt snin ingħaqad ma’ Sliema Wanderers għal transfer rekord ta’ 250 lira Maltin.
Wara ftit snin beda esperjenza barra minn Malta meta mar jilgħab mat-tim Amerikan ta’ Pittsburgh Phantoms. Hu dam jilgħab biss staġun u fl-istaġun ta’ wara għamel tliet xhur biss jilgħab fl-istati Uniti minħabba li ma kien hemm l-ebda qbil bejn Sliema u t-tim Amerikan.

Kien għalhekk li rritorna lura Malta fej reġa’ beda jilbes il-flokk ta’ Sliema. Fl-1975 hu ingħaqad ma’ Ħamrun Spartans u magħhom dan jilgħab tliet snin. Wara, ngħaqad ma’ Pieta Hotspurs u sena wara lagħab għal staġun ma’ Gżira Utd qabel ma rtira mill-futbol.

Cocks kien anke jilgħab mat-tim nazzjonali Malti u kien anke captain matul is-snin sittin u fil-bidu tas-snin sebgħin.

Fost diversi unuri li rebaħ Cocks rebaħ il-kampjonat nazzjonali sitt darbiet, it-trophy ħames darbiet u t-Tazza tal-Indipendenza, it-Tazza Testaferrata, il-Cassar Cup u s-Sons of Malta għal diversi drabi. F’kelma oħra Cocks rebaħ kull unur li hawn fil-futbol Malti u kien anke vvutat bħala l-aqwa plejer tas-sena.

Wara li rtira hu beda karriera ta’ kowċ fejn mexxa diversi timijiet bħal ma huma Pieta fit-Tielet Diviżjoni, Mosta, Gżira, Msida u Pembroke. F’dawn l-aħħar snin kien anke parti mill-akkademja ta’ Luxol.