Ian Brady, imlaqqam il-Qattiel tal-Moors u li, fis-snin sittin, kien qatel ħamest itfal, bl-għajnuna tas-sieħba u kompliċi, Myra Hindley, miet fl-isptar ta’ Ashworth, f’Merseyside, fl-età ta’ 79 sena.
Mewtu tħabbret mill-uffiċjali inkarigati minn dan il-kumpless għal persuni bi problemi psikjatriċi, fejn Brady kien ilu miżmum mill-1985.
Ian Brady, li kien intbagħat il-ħabs għal għomru fl-1966, kien difen erba’ mill-vittmi ċkejknin tiegħu f’Saddleworth Moor, fir-reġjun ta’ Greater Manchester.
Hu kien ikkundannat dwar il-qtil ta’ John Kilbride, tifel ta’ 12 il-sena; Lesley Ann Downey, tifla ta’ 10 snin u Edward Evans, adolexxenti li kellu 17-il sena. Intant, Brady, fl-1985, ammetta wkoll dwar l-omiċidji ta’ Pauline Read, ta’ 16-il sena u ta’ Keith Bennett li kellu 12-il sena.
Il-vittmi kienu sfaw maħtufa minn Brady u l-maħbuba tiegħu, Hindley (li mietet fil-ħabs fl-2002), bejn l-1963 u l-1965. Intant, Ian Brady ma żvela qatt fejn kien ħalla l-fdalijiet tat-traġiku Keith Bennett minkejja t-talbiet ripetuti ta’ omm it-tifel, Winnie, li kienet mietet fl-2012.
Sadattant, Martin Bottomley, li jmexxi t-taqsima tal-Pulizija ta’ Greater Manchester li hi nkarigata minn delitti antiki mhux solvuti, għamilha ċara li l-pulizija mhi se tieqaf qatt fit-tfittxija għall-qabar ta’ Keith ‘u li l-mewt ta’ Brady ma għandu jibdel xejn minn dan kollu’.
Id-delitti ta’ Brady kienu nisslu sens ta’ xokk qawwi u stmerrija fost il-poplu Britanniku, u r-riferenzi għar-reati baqgħu jingħataw prominenza sal-ġurnata tal-lum. Dan waqt li l-qraba tal-vittmi traġiċi qegħdin jirrakkuntaw dwar ‘is-snin terribbli’ li kellhom jgħaddu minnhom u meta, għalihom, ‘il-ħmar il-lejl ma għandu l-ebda tmiem’.
//= $special ?>