Dan l-aħħar żewġ kickboxers minn Team Noel li rrappreżentaw lil Malta fi Franza rnexxielhom jirbħu kontra avversarji minn Kuba u Franza f’kategoriji professjonali fil-K1.
Samuele Andolina u Christopher Rotin għamlu unur lil Malta s-Sibt 13 ta’ Mejju bi prestazzjoni mill-aqwa fil-kategorija Pro, minkejja li għadhom mhumiex ġellieda professjonali. L-avveniment kien wieħed ta’ livell għoli u kien anki mxandar dirett fuq it-televiżjoni.
Andolina, li għandu 21 sena ilu jittrenja tliet snin, u ġġieled fil-kategorija tal-54 kilogramma. Huwa ddeskriva din il-ġlieda bħala waħda iebsa peress li ħafna mill-atleti kienu professjonali, fejn huwa ġġieled ma’ veteran minn Kuba li kellu esperjenza ta’ iktar minn 40 ġlieda. Andolina rnexxielu jagħti knock-out fl-ewwel round, iżda l-ġlieda kompliet sal-aħħar, b’Andolina jgħaddi biex jirbaħha.
Rotin għandu 25 sena u wkoll ilu jitħarreġ għal tliet snin ma’ Master Noel Mercieca. Għalkemm din kienet it-tnax-il ġlieda tiegħu, kienet l-ewwel waħda f’livell professjonali. Rotin, li ġġieled fil-kategorija tas-70 kilogramma ma’ avversarju minn Franza, ukoll jiddeskrivi din il-ġlieda bħala waħda iebsa. Minkejja li fl-ewwel round qagħad ftit lura, fit-tieni u fit-tielet rounds attakka b’diversi ‘combinations’, u rnexxielu jirbaħ.
Andolina u Rotin kienu assistiti fi Franza minn Master Noel Mercieca u l-assistent tiegħu Terence Cilia.
Mercieca, li ħarreġ lil Andolina u Rotin, iddeskriva l-prestazzjoni taż-żewġ atleti bħala waħda eċċezzjonali frott tas-sagrifiċċji li għamlu. Qal li f’dan l-isport Malta qed tħabbatha tajjeb ma’ pajjiżi kbar, u appella biex l-awtoritajiet jinvestu iktar fl-atleti Maltin li qed jagħmlu suċċess f’kull rokna tad-dinja.
Min jixtieq iktar informazzjoni dwar it-taħriġ offrut mill-klabb Team Noel – Ying Yang jista’ jagħmel kuntatt mal-Master Noel Mercieca fuq 79208283, iżur is-sit elettroniku http://www.kickboxing.com.mt/ jew il-paġna ta’ Facebook Team Noel – Kickboxing Malta.
//= $special ?>