Futbol Sport

“Kont nitkeċċa li kieku kont għadni ma’ Barcelona jew Bayern” – Guardiola

Guardiola ma rebaħ l-ebda unur fl-ewwel staġun tiegħu fl-Ingilterra

Il-manager ta’ Manchester City Pep Guardiola ammetta li li kieku għadu jmexxi lil Barcelona jew lil Bayern Munich kien jitkeċċa li kieku kiseb l-istess riżultati li kiseb dan l-istaġun ma’ Manchester City.
Guardiola beda jmexxi lis-Citizens qabel dan l-istaġun meta dakinhar kien ħa post Manuel Pellegrini u fl-ewwel staġun tiegħu fl-Ingilterra ma rebaħ l-ebda unur.

Filwaqt li matul is-seba’ snin li mexxa lil Barcelona u lil Bayern Munich rebaħ total ta’ 21 trofew filwaqt li ma’ Man City ma rebaħ l-ebda unur u bħalissa City qed jippruvaw jiksbu post mal-ewwel erbgħa fil-Premiership.

Barra minn hekk, Man City sfaw eliminati mill-kwarti tal-finali kontra Monaco u mis-semifinali tal-FA Cup kontra Arsenal. Barra minn hekk City ġew eliminati mil-League Cup kontra Man Utd b’gowl ta’ Mata. Din hi l-ewwel darba li Guardiola temm staġun bla unur bħala kowċ u bla dubju fl-istaġun li ġej il-pressjoni se tkun waħda kbira fuqu hekk kif matul is-sajf Man City mistennija jkomplu jonfqu aktar flus fuq plejers ġodda.

“Li kienu qiegħed f’din is-sitwazzjoni mal-klabbs li kont inmexxi fil-passat ninsab ċert li kont nitlef posti. Nifhem dan kollu għax naf il-pressjoni li jkollhom fuqhom il-klabbs il-kbar biex jirbħu. Ma’ dan il-klabb se jkolli t-tieni ċans u se nagħmel kollox biex din id-darba ma nfallix,” qal Guardiola.

Ta’ min jinnota li meta Guardiola ħa post Jupp Heynckes ma’ Bayern Munich ħafna kienu qed jittamaw li dan jirbaħ iċ-Champions League bħal ma għamel il-kowċ ta’ qablu imma fi tliet snin imexxi l-klabb ma għamilx dan. Madankollu, hu “ħelisha” għax matul dawk it-tliet snin dejjem rebaħ il-kampjonat domestiku.
“Id-diriġenti ta’ Man City m’għandhomx għalfejn jgħiduli li fl-istaġun li ġej irrid nirbaħ għax diġà għaddejt minn esperjenza bħal din. Kowċ hu ġġudikat mir-riżultati li jikseb,” kompla jgħid Guardiola.

Dan tal-aħħar temm jgħid billi qal li l-istaġun fallimentari ta’ Man City ma kienx biss tort tiegħu u temm billi stqarr, “Fil-futbol mhux il-kowċis ikunu fil-grawnd imma l-plejers. Nemmen li bħal ma stajt kont jien, il-plejers setgħu kienu aktar effettivi.”