“Ma ngħatajt l-ebda ċenteżmu paga għax-xogħol li għamilt kemm domt impjegata.” Sostniet dan l-eks impjegata ta’ Pilatus Bank fix-xhieda tagħha fil-Qorti, fil-kawża li fetaħ id-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali kontra Pilatus Bank fuq pagi mhux imħallsa.
Isem il-mara mhux qed jixxandar minħabba li hi l-Whistleblower li kixfet dettalji li Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru Joseph Muscat, kienet tidher f’dokument li jindika li l-ishma fil-kumpanija tal-Panama, Egrant kienu qed jinżammu għaliha. Din l-informazzjoni wasslet għal inkjesta Maġisterjali.
Fix-xhieda tagħha quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, il-mara qalet li hi waslet Malta f’Diċembru 2015 flimkien ma’ żewġha ta’ nazzjonalita’ Griega u uliedhom. Hi bdiet taħdem ma’ Pilatus Bank f’Jannar 2016 u esebiet kuntratt ta’ impjieg li kien iffirmat fil-15 ta’ Jannar.
Xogħolha kien dak ta’ assistent personali għaċ-Chairman Ali Sadr u l-Kap Eżekuttiv Hamidreza Ghanbari kif ukoll tassisti lill-management f’konferenzi u attivitajiet oħrajn. Meta bdiet l-impjieg tagħha, il-Kap Eżekuttiv kien qallha li ngħata parir minn Finco Trust, il-kumpanija li kienet tieħu ħsieb il-pagi tal-impjegati f’Pilatus Bank, li ma setgħux idaħħluha fis-sistema tal-payroll qabel ma jinħarġilha l-permess ta’ residenza minn Identity Malta. Il-proċess idum bejn 8 u 10 ġimgħat. Ghanbari qallha biex tibda taħdem xorta waħda u jħallsuha b’lura.
Fix-xhieda tagħha hi qalet li ma tistax tibqa’ f’sitwazzjoni ta’ inċertezza għal 10 ġimgħat u ssuġġeriet li minflok kuntratt ta’ impjieg, isir kuntratt ta’ servizzi. Għall-ewwel il-Kap Eżekuttiv qal li qabel ma’ din il-proposta iżda meta bagħtet dan il-kuntratt lil Ghanbari u l-Kap tat-Taqsima Compliance Claudanne Sant Fournier, ma ngħatat l-ebda risposta u l-ftehim qatt ma kien iffirmat.
Qabel ma daħlet fil-bank, huma qalulha li għad m’għandhiex permess residenza. Hi marret jobs+ u qalet li peress li hi miżżewġa ċittadin tal-EU (Grieg) m’għandhiex bżonn work permit. Qabel iffirmaw, qaltilhom li għad m’għandhiex il-permess tar-residenza.
Kap Eżekuttiv qal li hu kkonsulta ma’ Finco Trust – li jieħdu ħsieb il-payroll tal-bank – li qalu li ma jistgħux ipoġġiha fuq payroll qabel ma’ tingħata residenza. Imma qalulha li tista’ tibda xorta imbagħad iħallsuha b’arretrati.
Meta mistoqsija jekk qatt ingħatatx xi flus mill-bank waqt il-qadi ta’ dmirijietha, hi qalet li kienet tingħata flus biex tagħmel qadjiet żgħar, fosthom li tħallas il-kontravvenzjonijiet tal-vettura taċ-Chairman u ta’ martu. Hi qalet ukoll li tul dan iż-żmien, kienet ingħata sitt envelopes biex tgħaddihom lil klijenti tal-bank fil-lukandi fejn kienu alloġġjati. Hi sostniet li filwaqt li l-envelopes kienu issiġġilati, kien jinħass li kien fihom flus kontanti.
Fid-29 ta’ Marzu, hi qalet li bagħtu għaliha fil-boardroom ħabta u sabta u nfurmawha li l-impjieg tagħha intemm. Qalet li tawha l-ittra ta’ terminazzjoni tal-impjieg u ordnawlha biex titlaq mill-bini immedjatament.
Kompliet li wara stenniet ġimgħa biex tirċievi l-paga dovuta u meta ma rċeviet xejn, hi tkellmet ma’ Christian Vella minn Finco Trust li qallha li dwar il-paga tagħha, se jikkuntattjaha l-Kap Eżekuttiv Hamidreza Ghanbari direttament. Wara li dan tal-aħħar baqa’ ma kellimhiex, hi marret tagħmel rapport fid-Dipartiment tal-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali. Wara li kkuntattja lill-Bank Pilatus, id-Dipartiment irċieva email li l-mara qatt ma kienet impjegata u li s-servizzi ta’ administration tħallsu b’mod sħiħ.
Taħt kontroeżami, l-eks impjegat qalet li hi applikat għall-permess tar-residenza fis-7 ta’ April, li jiġi wara li kienet spiċċat mill-impjieg ma’ Pilatus Bank iżda spjegat li fix-xhur ta’ qabel, il-proċess kien diġa’ inbeda ma’ Identity Malta. Hi ċaħdet li bagħtet messaġġ lil Ganbari fi Frar 2016, li fih qalet li ingħatat ħlas ta’ €1,981 li ntbagħat fi Frar.
Xehdu wkoll Mahrabat Ellul u Keith Matthew Borg, it-tnejn eks impjegati tal-Bank Pilatus. Huma kkonfermaw li l-mara msemmija kienet impjegata mal-bank. Taħt kontroeżami, huma qalu li ma kellhomx problemi fil-pagi u kienu jitħallsu b’direct transfer.
Xehed ukoll Christian Vella, impjegat ta’ Finco Trust. Hu kkonferma li f’April 2016 ċemplitlu l-eks impjegata li talbitu ħlasijiet dovuti u payslips. Hu qal li qatt ma kien sema’ biha u qatt ma kienet irreġistrata fis-sistema tal-payroll. Vella xehed li kien qallha biex tibgħatlu email u hi għamlet hekk. Ftit wara, iċempillu il-Kap Eżekuttiv ta’ Pilatus Hamidreza Ghanbari u qallu biex ma jidħolx fil-kwistjoni u li se jieħu ħsiebha l-bank direttament.
Il-każ ikompli fit-12 ta’ Ġunju
L-Avukati Marie Josette Farrugia u Daniel Buttigieg dehru għad-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali u l-eks impjegata rispettivament filwaqt li l-Avukat Stefano Filletti qed jidher għar-rappreżentanti ta’ Pilatus Bank.
//= $special ?>