Elezzjoni 2017 Għawdex Lokali

Min qed jgħid il-verità? Min qed jigdeb ?

L-isptar ġenerali ta' Għawdex - Mill-Arkivji

F’opinjoni li l-ġurnal In-Nazzjon qed jippubblika llum minn osservatur politiku, jirriżulta b’mod ċar u evidenti li sal-lum, mill-ftaħir kollu mill-Gvern ta’ Muscat dwar x’se jkunu qed jagħmlu l-VGH bl-isptarijiet pubbliċi li ngħataw mill-Gvern ta’ Muscat, fosthom l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, ma seħħ xejn ħlief li kumpanija barranija ħadet €71 miljun mill-kaxxa ta’ Malta.

L-osservatur politiku, fit-tieni artiklu minn sensiela ta’ sitta li qed jippubblika In-Nazzjon din il-ġimgħa, jagħmel riferenza għal mistoqsija parlamentari li saret din is-sena, fit-28 ta’ Marzu, mid-Deputat  Nazzjonalista u Shadow Minister dwar Għawdex, Chris Said, li staqsa jekk il-Gvern huwiex marbut li jagħti l-flus lill-kumpanija barranija Vitals Global Heathcare (VGH) biex jinbena l-kumpless mediku f’Għawdex, u jekk fl-affermattiv,  kemm hija din is-somma, u jekk din is-somma ngħatatx jew għad trid tingħata?

Dakinhar, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, fl-ispirtu ta’ trasparenza u onestà li jippriedka l-Gvern Laburista, wieġeb hekk: “Nikkonferma lill-Onorevoli interpellant li x-xogħol infrastrutturali huwa parti mill-investiment li qed jagħmel il-privat, u ma hi prevvista l-ebda għotja għal dan il-għan taħt il-ftehim ta’ konċessjoni”.

 

Il-ktejjeb tal-VGH jikxef il-qerq

Imma l-osservatur politiku jiżvela kif l-affarijiet mhumiex hekk, u dan jixhdu l-ktejjeb pubblikat minn Cross Range Holdings (li jirrappreżentaw lill-VGH) ‘Health Care Malta – Private Public Partnership. Change in Motion, Year 2015 (strictly private and confidential)’

Dan il-ktejjeb huwa parti mill-għodda ta’ marketing minn VGH intenzjonat għall-investituri u l-banek biex il-kumpanija VGH tiġbor il-kapital għall–proġetti tal-isptarijiet, propju għax meta ngħatat dan l-inkarigu mill-Gvern ma kellhiex il-kapital meħtieg.

Issa f’paġna 51 ta’ dan il-ktejjeb, taħt it-titlu ‘Gozo and Malta Medical Complex’, fir-raba’ sentenza nsibu li l-Gvern ta’ Malta ser jipprovdi €10 miljun bħala għotja finanzjarja lil din il-kumpanija.

Mela din il-kumpanija barranija mhux talli ma investiet xejn għall-isptar t’Għawdex,  iżda kien il-Gvern Malti, mit-taxxi tiegħek u tiegħi li ħallas biex twaqqa’ ftit bini u ħitan, u tħalla kollox kif kien. Ta’ dan it-taparsi xogħol il-poplu Malti u Għawdxi ħallas jew se jħallas €10 miljun.

Jekk dan l-iskandlu mhux biżżejjed, f’paġna 13 tal-istess pubblikazzjoni nsibu li l-kumpless mediku kellu jitlesta u jiġi inawgurat f’Settembru 2016. Illum qegħdin f’Mejju 2017 u lanqas hemm ġebla mpoġġija fuq oħra, u għal dan, il-Gvern tal-ekonomija f’saħħitha diġà għadda lill-barranin €70 miljun. Fejn marru dawn il-flus? Għand min qegħdin?

Fadal aktar, f’pagna 20 tal-ktejjeb tal-VGH, insibu li l-kulleġġ ġewwa Għawdex kellu jiftaħ f Settembru tal-2016. Iżda sal-lum mank hemm ġebla waħda.

 

Aktar taħwid u skandli

Il-proġett tal-università mhux talli mhux lest, iżda lanqas biss beda. Minkejja dan, il-kumpanija VGH mhux talli ma weħlitx multa jew waqqfulha l-pagamenti, iżda talli ħadu sular mill-iskola Sir M A Refalo Sixth Form College f’Għawdex, fejn qed isir ristrutturazzjoni biex il-kulleġġ ta’ Barts, li suppost li ser imexxi l-università, jibda jiffunzjona minn hemm.

Bħall-kumplament ta’ din il-kobba mħabbla, ta’ dan se tħallas int, għax minflok mal-kumpanija VGH weħlet il-penali, il-Gvern, wara l-maskra ta’ Malta Enterprise u bi flusek, qed iħallas l-ispejjeż kollha għax-xogħlijiet f’din l-iskola. Din hija spiża li mistennija tilħaq il-€150,000, spiża sa issa fil-baħħ għax ħadd ma jaf kemm se jiġu studenti u x’se jibbenefika Għawdex minn dan kollu. U quddiem dan kollu, nibqgħu nibilgħu r-ross bil-labra tal-ekonomija f’saħħitha u nċapċpu.

 

Int tħallas għall-uffiċċji ta’ VGH

Imma lanqas dan donnu mhu biżżejjed. Propju biswit l-isptar inbena Child and Youth Development Centre bi spiża li tlaħħaq il-€1,333.384. Naturalment anki din l-ispiża qed tħallasha int. Imma ejja ngħiduha kif inhi, kieku bit-taxxi tagħna qed niffinanzjaw Child and Youth Development Centre ma fiha xejn ħazin. Il-bużillis hu li fil-verità, bi flusek qed tiffinanzja uffiċini ta’ VGH, għax minflok għall-iskop oriġinali, il-bini ngħata lil din il-kumpanija barranija biex tużah bħala uffiċini.

Dan kollu qed isir quddiem għajnejn il-poplu Malti u Għawdxi,  u sadanittant, meta waqt is-seduta Parlamentar 497 il-Ministru Chris Fearne ġie mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi: “L-iskola medika ta’ Barts ser tinbena min VGH? Il-Gvern kellu jgħaddilha €10 miljun barra l- €150,000 biex jirrangaw il-kulleġġ Sir M A Refalo?”

Ir-risposta tal-Ministru Fearne kienet li wara li tinbena l-iskola ta’ Barts, il-Gvern Malti se jikri l-binja mingħand VGH għas-somma ta’ €1.3 miljun fis-sena. Risposta li tiċċassak u tħallik bla kliem.

Dan ifisser li l-Gvern immexxi minn Prim Ministru li f’Ħaż-Żabbar ftaħar li uliedek huma uliedu, minn ħalq uliedek għal idejn il-VGH se jgħaddi €10 miljun f’għotja finanzjarja biex jinbena l-kumpless mediku f’Għawdex; €150,000 biex jirranġa l-kulleġġ Sir M A Refalo għall-użu ta’ Barts biex ipatti għan-nuqqas ta’ progress fix-xogħol minn VGH; u meta finalment jinbena l-kumpless mediku l-Gvern se jerġa’ jeħodlok €1.2 miljun fis-sena biex jikri l-bini.

Jekk kif qal il-Gvern, il-konċessjoni hija ta’ 30 sena, allura jfisser li l-Gvern ser ikun ħallas €36,000,000. Jekk mill-banda l-oħra, kif qalu l-VGH fil-pubblikazzjoni tagħhom,  il-konċessjoni hi għal 99 sena, allura l-Gvern ser ikun ħallas €118,800,000.

 

Progetti trasparenti!

U dan kollu qed iseħħ fi sfond ta’ trasparenza kbira. Fil-fatt, tant kollox qed isir b’mod trasparenti, li l-ebda proġett ma jidher.

Il-grupp ta’ investituri barranin kellu jiżviluppa l-kulleġġ ta’ Barts sal-2016 fuq 5,600 metru kwadru, u kellu jkollu wkoll parti minnu fil-kumpless tal-Isptar San Luqa. Il-kulleġġ  kellu jinkludi faċilitajiet għal riċerka u żvilupp fost l-oħrajn fl-ortopedija, mard tal-qalb, trawma u ħtiġiet lokali. VGH kellha wkoll tattira sa 300 student fis-sena fi studju għall-gradwazzjoni u wara. Sal-lum minn dan kollu ma seħħ xejn ħlief li kumpanija barranija ħadet €71 miljun mill-kaxxa ta’ Malta.

 

Ekonomija f’saħħitha biss għal VGH, Muscat, Konrad Mizzi u l-bella kumpanija

L-osservatur politiku jikkonkludi l-opinjoni tiegħu billi jistaqsi: Dan huwa l-investiment li ġab il-Gvern għal Malta u Għawdex? Din hija l-ekonomija f’saħħitha?

Investiment u ekonomija f’saħħitha iva, imma għal VGH, Joseph Muscat, Konrad Mizzi u l-bella kumpanija.