Elezzjoni 2017 Lokali

In-Nazzjon 16.05.2017

Il-proposti li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar ilbieraħ dwar id-direzzjoni ekonomika b’miri ewlenin kif ukoll tmien proposti b’risq il-persuni b’diżabbiltà huma elenkati fl-ewwel paġna ta’ In-Nazzjon tal-lum, li tagħti wkoll prominenza tal-messaġġ li ta lbieraħ ukoll filgħaxija Simon Busuttil meta fl-attività ta’ Taħt it-Tinda f’Bormla fisser kif il-Forza Nazzjonali se terġa’ ġġib reputazzoni tajba lil Malta.
Stejjer oħra jittrattaw il-messaġġ li ta l-Arċisqof ta’ Malta li fisser li meta l-politika taħdem għall-interessi tal-ftit, dan ikun l-antipolitika waqt li enfasizza li l-ġustizzja soċjali titlob li min jiggverna jħares il-prinċipji importanti tal-verità u tal-ġid komuni. Fil-paġni tal-opinjonijiet insibu l-fehmiet ta’ Jason Azzopardi, Mario Schiavone u Euchar Mizzi.
Tkompli wkoll is-sensiela ta’ artikli minn osservatur politiku Għawdxi li llum janalizza dwar min qed jgħid il-verità u min qed jigdeb dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet lill-barranin, bl-aktar ta’ inkwiet hu dak li qed iseħħ fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li issa hu f’idejn il-barranin.
F’In-Nazzjon hemm ukoll servizz speċjali dwar l-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali b’ritratti li juru l-avvenimenti ewlenin li seħħew fit-tieni ġimgħa tal-kampanja elettorali.