Wara d-dibattitu fl-Università, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qatta’ ħin twil mal-istudenti, li ngħaqdu ma’ miegħu fi tmiem id-dibattitu.
Imma waqt li wara d-dibattitu Simon Busuttil tħallat mal-istudenti tal-Università, mhux l-istess jista’ jingħad għall-Prim Ministru Joseph Muscat li sparixxa mill-ewwel minn fuq il-kampus tal-Università, biex minflok, mar jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-Belt Valletta.
Dan minkejja l-preżenza ta’ uffiċjali Laburisti fl-Università sa minn kmieni filgħodu, fosthom tal-President tal-FŻL Alex Saliba. Madanakollu, waqt id-dibattitu ħareġ ċar li l-istudenti għamlu l-għażla tagħhom u dan wassal biex Joseph Muscat, mill-ewwel ħarab mill-Università fi tmiem id-dibattitu tal-Mexxejja.
Wara d-dibattitu, flok tħallat mal-istudenti bħal Simon Busuttil, il-Prim Ministru telaq lejn il-Belt Valletta għal konferenza tal-aħbarijiet u kien hemmek fejn Muscat ħassu komdu jiltaqa’ man-nies li waqfu biex ikellmuh.
Fl-iskatepark tal-Imsida, il-Forum Żgħażagħ Laburisti urew id-dibattitu tal-Università b’mod ‘live’, suppost għall-folla li kellha tilqa’ lil-Prim Ministru. Madanakollu, jirriżulta li l-attendenza kienet fqira; tant li Muscat l-anqas biss mar jingħaqad magħhom fi tmiem id-dibattitu.
//= $special ?>