#muscatgate Elezzjoni 2017 Lokali

Ġurnalisti jissejjħu mill-Pulizija biex jikxfu min tahom ir-rapport tal-FIAU

Il-ġurnalist ta’ The Times of Malta Jacob Borg u d-Direttur ta’ The Malta Independent Pierre Portelli t-tnejn issejjħu mill-awtoritajiet biex jikxfu minn tahom ir-rapport tal-FIAU, rapport li jikkonferma li hemm akkużi kriminali kontra Keith Schembri dwar ħasil ta’ flus, tixħim u korruzzjoni.

Il-ġurnalist Jacob Borg kiteb, fi tweet, li ssejjaħ mill-Pulizija biex imur il-Qorti ħalli jiġi mistoqsi dwar dan ir-rapport tal-FIAU, li kien ippubblikat fil-gazzetta The Times wara li l-awtoritajiet żammewh moħbi għal sena sħiħa mingħajr ma ħadu passi fuqu.

Portelli ntalab jgħid min għaddielu l-kontenut tar-rapport tal-FIAU, iżda rrifjuta li jikxef is-sors

Min-naħa l-oħra, id-Direttur ta’ The Malta Independent Pierre Portelli wkoll issejjaħ mill-Maġistrat li qed tagħmel inkjesta wara kwerela kriminali minn Pilatus Bank. Fix-xhieda tiegħu quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, Portelli ntalab jgħid min hi l-persuna li għaddietlu l-kontenut tar-rapport tal-FIAU. Skont artiklu fil-gazzetta The Malta Independent dalgħodu, Portelli rrifjuta li jikxef is-sors.

Kien Pilatus Bank li talab li jittieħdu passi kriminali talli r-rapport tal-FIAU ġie żvelat fil-media, f’mossa li tikkonferma li r-rapporti żvelati huma filfatt awtentiċi. Ir-rapport tal-FIAU huwa wieħed estensiv, u jinvestiga mhux biss lil Keith Schembri, iżda r-rabtiet li dan għandu ma’ Pilatus Bank kif ukoll ma’ sid Pilatus Bank Ali Sadr. Fuq kollox, ir-rapport jinvestiga wkoll il-mod kif Keith Schembri rċieva mal-€100,000 f’tixħim f’kont bankarju f’ismu f’Pilatus Bank mill-kont bankarju ta’ kumpanija sigrieta fil-British Virgin Islands.