Il-Partit Nazzjonalista talab spjegazzjoni għaliex l-istazzjon nazzjonali għażel li jiċċensura x-xhieda li ngħatat mill-whistleblower tal-każ ta’ Egrant.
Dan wara li fil-bulettin tal-aħbarijiet ta’ PBS, kienet iċċensurata x-xhieda tal-whistleblower li rat id-dokumenti tal-kumpanija Egrant. Hi tat il-verżjoni tagħha tal-fatti dwar każ li għandha fil-Qorti b’rabta ma’ pagi, fil-konfront ta’ Pilatus Bank.
Kif jidher mill-istampi (hawn taħt), din ix-xhieda ġiet irrappurtata bi prominenza mill-kmamar tal-aħbarijiet kollha f’pajjiżna, ħlief tnejn: il-media tal-Partit Laburista u l-istazzjon nazzjonali.
Fid-dawl ta’ dan, dalgħodu, il-Partit Nazzjonalista bagħat ittra lill-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja jitlob spjegazzjoni ta’ dan l-aġir, kif ukoll li jiġi assigurat li jingħata rimedju. Fir-reazzjoni tiegħu l-kap tat-taqsima tal-aħbarijiet Reno Bugeja qal li skont hu din l-aħbar ma għandix news value.