Futbol Sport

Juventus bl-ewwel pass lejn it-’Treble’ bir-rebħ tal-Coppa Italia

Juventus rebħu l-ewwel unur minn tlieta li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom dan l-istaġun meta fil-finali tal-Coppa Italia għelbu lil Lazio bi skor ta’ 2-0 fl-Olimpico ta’ Ruma. Ir-rebħa tat-tim ta’ Max Allegri kienet waħda meritata fejn wara li Lazio laqtu l-lasta fl-ewwel minuti permezz ta’ Keita, Juventus iddominaw u minbarra li skurjaw il-gowls ikkontrollaw sew lill-avversarji tagħhom.

Kien fit-12-il minuta meta l-Bianconeri fetħu l-iskor meta Alex Sandro tefa’ cross li sab lid-difensur l-ieħor Dani ALVES li skurja b’xutt mill-viċin.

Juventus komplew jippressaw u fl-24 minuta rduppjaw. Minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Dybala, Alex Sandro waqqa’ ballun bir-ras lil BONUCCI li għeleb lill-gowlkiper Strakosha għat-2-0.

L-uniku reazzjoni ta’ Lazio waslet meta fis-57 minuta Immobile ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tkun salvata b’mod stupend minn Neto li kien qed jilgħab minflok Buffon.

Minn hawn ‘il quddiem Juventus iddefendew tajjeb biex rebħu l-Coppa Italia għat-12-il darba fl-istorja tagħhom. Grazzi għal dan is-suċċess Juventus saru anke l-ewwel tim li rebaħ din it-tazza tliet darbiet konsekuttivi.
Issa Juventus jibdew jaħsbu fuq nhar il-Ħadd li ġej meta dakinhar jistgħu anke jaċċertaw mir-rebħ tas-sitt kampjonat konsekuttiv dejjem jekk jegħlbu lil Crotone biex eventwalment umbagħad jibdew jiffukaw fuq il-finali taċ-Champions League tat-3 ta’ Ġunju kontra Real Madrid.

It-tim Taljan qed jipprova jirbaħ it-’Treble’ billi jirbaħ iż-żewġ kompetizzjonijiet li fadal.