Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, ilbieraħ żvela l-Kabinett tiegħu, li fih membri miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Madwar 170 Membru Parlamentari mil-lemin iffirmaw stqarrija fejn appoġġjaw lil Macron wara li ħatar lir-Repubblikan Edouard Philippe bħala l-Prim Ministru.
Bruno Le Maire, li hu meqjus konservattiv, inħatar Ministru tal-Ekonomija, filwaqt li s-Sindku Soċjalista ta’ Lyon, Gerard Collomb, inħatar Ministru tal-Intern u l-politiku taċ-ċentru, il-veteran François Bayrou bħala l-Ministru tal-Ġustizzja. Jean-Yves Le Drian, li taħt il-President François Hollande kien Ministru tad-Difiża, issa sar Ministru tal-Affarijiet Barranin.
Hemm diversi nisa fil-Kabinett il-ġdid Franċiż. Agnès Buzyn hi l-Ministru tas-Saħħa, Laura Flessel, hi l-Ministru tal-Isports u Sylvie Goulard, il-Ministru għall-Armata.
L-aħbar tal-Kabinett il-ġdid kienet imdewma minħabba investigazzjoni fil-ħlas tat-taxxa u biex kien assigurat kienx hemm potenzjalment xi kunflitt ta’ interess.
Aktar minn 170 politiku elett tal-lemin qablu li jappoġġjaw lil Macron fil-pjan tiegħu, li jneħħi l-firda bejn il-lemin u x-xellug fil-politika Franċiża. Imma kien hemm ħafna fuq il-lemin tal-politika Franċiża li kkritikaw lil Macron u qalu li iżjed kien qed iħarbat l-affarijiet milli jirranġahom. Kien hemm anki politiċi mix-xellug li kkritikaw lil Macron għall-mod kif beda jimxi.
//= $special ?>