‘M’hemm xejn x’jista’ jwaqqaf ir-rieda tal-poplu’ hu titlu ewlieni tal-gazzetta In-Nazzjon tal-lum. It-titlu fuq ritratt sabiħ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, jirriferi għall-messaġġ u l-appelli li għamel lill-poplu Simon Busuttil fl-attività tal-bieraħ filgħaxija f’Ħaż-Żebbuġ, hekk kif il-kampanja elettorali li se twassal għall-vot tal-elettorat fit-3 ta’ Ġunju tinsab fit-tielet ġimgħa tagħha.
Fuq quddiem ukoll u bi prominenza, In-Nazzjon telenka l-punti ewlenin tal-proposti li ħabbar ilbieraħ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u li se jkunu inklużi fil-programm elettorali li mistenni jkun ipprezentat fil-jiem li ġejjin.
Stejjer oħra f’In-Nazzjon jittrattaw l-investigazzjoni li għaddejja dwar il-kumpanija sigrieta Egrant, u l-proposti u l-messaġġi lill-partiti politiċi mill-isieħba soċjali, b’ħafna jkomplu jesprimu t-tħassib tagħhom għar-reputazzjoni ħażina li qed titkseb Malta bl-iskandli li qed jiġu investigati b’rabta ma’ tixħim u korruzzjoni, u l-użu ta’ kumpaniji sigrieti minn min irid jaħbi u jaħsel flusu.
Il-paġni tal-opinjonijiet jinkludu l-fehmiet tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew, David Casa, tad-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri u tal-kandidat tal-PN Justin Schembri.
It-tielet artiklu li In-Nazzjon qed jippubblika kuljum matul din il-ġimgħa b’rabta mal-wegħdiet fl-arja li għamlet il-kumpanija barranija VGH li qed tmexxi l-isptarijiet pubbliċi li taha l-Gvern ta’ Muscat, jelenka kif bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.
Mill-aħbarijiet ta’ barra hemm l-analiżi ta’ Joe Callejja dwar ir-referendum fl-Iżvizzera b’rabta mal-użu tal-enerġija nukleari.