Futbol Sport

Tripletta ta’ Thomas tpoġġi lil Senglea fis-semifinali

It-tim ta' Senglea Gunners li għeleb lil Valletta St Pauls (Ritratt: Warren Sammut)

Senglea Gunners wettqu waħda mill-akbar sorpriżi ta’ dan l-istaġun meta għelbu lill-favoriti Valletta St Pauls 4-2 biex ikkwalifikaw għas-semifinali tal-kompetizzjoni knock-out tal-MAFA.

Kienet wirja kollettiva mit-tim mill-Kottonera li apparti li rnexxielhom idawru r-riżultat favurihom, ħarġu aggressivi ferm fit-tieni taqsima biex kisbu passaġġ għal rawnd ieħor importanti f’din il-kompetizzjoni.

Fost kulħadd, protagonista prinċipali f’dan il-konfront kien il-plejer Timmy Thomas li barra li skorja tripletta f’dan il-konfront, kien ta’ uġigħ ta’ ras kontinwa għad-difiża Beltija.

Il-Beltin illum iddiżappuntaw ferm fil-logħob tagħhom hekk kif kien mistenni ferm aktar minnhom. Fl-ewwel parti tal-partita ftit rajna azzjonijiet lejn il-lasti rispettivi u kien fid-29 minuta li Valletta marru fil-vantaġġ permezz ta’ Glenn Cassar biex daħlu jistrieħu 1-0 minn fuq.

Fit-tieni taqsima kulħadd stenna li t-tim mill-kapitali jkomplu jamministraw ir-riżultat iżda f’ħin bla waqt Senglea Gunners ġabu l-iskor indaqs grazzi għall-gowl ta’ Christian Zammit. Madankollu Valletta reġgħu marru minn fuq permezz tal-istess Glenn Cassar illi għaqqad doppjetta personali.

Is-Sengleani ma nħasdux minn dan il-gowl u komplew jattakkaw u hawn daħal fix-xena l-attakkant tagħhom Timmy Thomas li f’temp ta’ sitt minuti bejn it-62 u t-68 minuta skorja tliet gowls għat-tim tiegħu meta rċieva mingħand Rayson Vella biex dawwar ir-rotta tal-partita u ssiġġilla r-rebħa finali ta’ 4-2.

Min-naħa l-oħra Qormi Hotspurs ukoll għaddew għal mal-aħħar erbgħa ta’ din il-kompetizzjoni meta għelbu lil Tal-Qroqq Versity bl-iskor minimu ta’ 1-0. Kienet partita ferm bilanċjata bejn żewġ timijiet li riedu jgħaddu għal fażi oħra ta’ knock- out.

Filfatt l-attakkanti prinċipali taż-żewġ timijiet taw x’jagħmlu mhux ftit lid-difiżi rispettivi għalkemm l-ewwel taqsima għalqet fi draw ta’ 0-0. Meta kollox kien jidher li l-partita kienet se tmur għall-għoti tal-penalties, kienu Qormi li skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa.

Kien Kyle Sultana li fil-65 minuta b’intelliġenza għadda ballun tajjeb lejn Jacob Falzon li kkontrolla b’lob meqjus tefa’ wara l-gowlkiper tal-Versity biex poġġa lid-diriġenti żgħażagħ Qriema f’dellirju ta’ ferħ u kwalifikazzjoni ferm importanti.

B’hekk Valletta Stars, Senglea Gunners, Qormi Hotspurs u Marsa St Michael għaddew għas-semifinali li ser jintlagħbu is-Sibt li ġej fil-grawnd ta’ Santa Luċija b’dawn il-partiti:

Qormi H. vs Marsa SM           2.30pm

Valletta S. vs Senglea G.         4.00pm

Tags