Elezzjoni 2017 Lokali

€73 għal kull viżta fl-Isptar San Luqa …minn ġo butek għall-but il-barrani

Bil-ftehim dwar it-tmexxija tal-isptarijiet pubbliċi mal-kumpanija Vitals Global Healthcare (VGH), il-Gvern ta’ Muscat aċċetta li jħallas €73 għal kull viżta.  Dan meta pazjent Malti jew Għawdxi  li jmur jara speċjalista tal-ġilda fil-privat, iħallas medja ta’ €50 kull viżta.

Dan żvelaħ osservatur politiku fl-artiklu ppubblikat f’In-Nazzjon tal-lum, li meta kompla janalizza l-ftehim li ġie ffirmat u dak li qed tgħid il-kumpanija privata mmexxija minn Pakistan, juri biċ-ċar l-isparpaljar u l-infiq eċċessiv ta’ Muscat u l-Gvern tiegħu, mit-taxxi tal-poplu

Minkejja diversi talbiet, il-Gvern baqa’ ma ppubblikax il-ftehim mal-kumpanija barranija Vitals Global Healthcare (VGH) dwar proġetti u servizzi li dawn suppost iwettqu fil-qasam tas-saħħa f’Malta.

 

L-iktar partijiet importanti fil-ftehim u li jolqtu lil butek qed jinżammu mistura

Biex inkunu korretti, urewna partijiet u tentufiet ’l hawn u ’l hemm mill-ftehim, iżda l-iktar partijiet importanti, essenzjali u li jolqtu lil butek qed jinżammu mistura iktar mis-sigriet ta’ Fatima. Fi kliem ieħor, mingħalihom qatgħulna l-għatx bil-perżuta.

Fost il-partijiet li kienu ppubblikati, imma mgħottija b’ċappa inka sewda  biex ħadd ma jkun jista’ jaqrahom, hemm l-ispiża li l-Gvern se jkun qed iħallas ta’ kull viżta fid-dipartiment tal-ġilda lil din il-kumpanija barranija.

Skont il-ftehim bejn il-Gvern u l-VGH, u skont il-Ministru Fearne, li assuma r-responsabbiltà tal-ftehim mal-Pakistani tal-VGH li għamel sieħbu tad-distrett u l-Ministru b’kumpanija fil-Panama Konrad Mizzi, id-dipartiment tal-outpatients tal-mard tal-ġilda (dermatoloġija) se jiġi trasferit għall-Isptar San Luqa.

Iżda oħroġ il-għaġeb, la l-moħħ wara l-ftehim Konrad Mizzi, u lanqas min ħa l-karru f’idejh Chris Fearne, ma qalulna kemm se tkun l-ispiża ta’ dan it-trasferiment. U lilek qalulek li dan żammewh mistur biex jissalvgwardjaw in-natura kummerċjali tal-ftehim, mhux biex int ma tkunx taf kemm se toħroġ minn butek.

 

Il-Gvern se jkun qed jgħaddi lill-VGH kważi €3 miljun fis-sena

Jirriżulta wkoll li l-Gvern se jħallas €73 għal kull viżta li ssir fid-dipartiment tal-ġilda. Mill-ftit kalkoli sempliċi, skont dak li qal il-Ministru Fearne fil-Parlament, (li l-medja ta’ każi out patients fid-dipartiment tal-ġilda f’Għawdex hi 1,526 u f’Malta hi 36,253), nikkonkludu li bil-ftehim li laħaq mal-VGH, il-Gvern se jkun qed jgħaddilhom €2,757,867 (kważi €3 miljun) fis-sena, u dan barra l-flus li se jgħaddilhom tas-sodod.

Dwar dak li qal il-Gvern li din il-kumpanija se tinvesti €200 miljun f’Malta, l-artikolist jispjega kif fil-verità, dawn il-Pakistani taħt il-kappa ta’ VGH mhu se joħorgu xejn għax il-flus qed jagħtihomlu l-Gvern Malti.

Il-Gvern ilu minn Mejju 2016 jgħaddi €6 miljun fix-xahar lill-VGH, u dawn beħsiebu jkompli jgħaddihomlu. Skont il-Gvern, dan il-kuntratt daħal fis-seħħ f’Mejju 2016, u minn dak iż-żmien, il-Gvern li jipprietka l-kontabbiltà diġà għadda lil din il-kumpanija ’l fuq minn €72 miljun!

Jirriżulta wkoll li s’issa, il-VGH xtrat uffiċini lussużi ħafna, akkwistat karozzi ta’ klassi li jġibulek għajnejk wara widnejk, u ħadu pagi fenomenali bejniethom li jvarjaw minn €1 miljun għas-CEO, €500,000 għal Shaukat Ali Chaundry u Ram Tumluri, u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, €150,000 għal tal-familja tagħhom!

 

€2.6 miljun fis-sena għall-outpatients tal-mard tal-ġilda

Il-Gvern, ukoll, se jagħti wkoll €2.6 miljun fis-sena għall-outpatients tal-mard tal-ġilda, li jfisser €80 miljun fi 30 sena. Ma’ dawn hemm is-€6 miljun fix-xahar, li minn Mejju 2016 sal-lum telgħu €72 miljun.

L-osservatur politiku jsostni fl-artiklu tiegħu f’In-Nazzjon, li dan huwa l-ġid u l-investiment li ġab il-Gvern ġdid ta’ Muscat, Mizzi, Fearne u l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna. Iva, Edward Scicluna wkoll għax bħala Ministru tal-Finanzi huwa responsabbli mill-finanzi kollha tal-Gvern