Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: Chris Cardona f’argument għax ried ipoġġi fl-ewwel filliera tad-dibattitu

"Iridni nqum biex joqgħod hu hawn" - persuna fl-ewwel filliera

Id-Deputat Mexxej Laburista u Ministru Chris Cardona lbieraħ kien involut f’argument fl-Universita’ ta’ Malta għax ried ipoġġi fl-ewwel filliera ta’ Sir Temi Zammit Hall. L-argument seħħ qabel beda d-dibattitu tal-Universita’ bejn il-Mexxejja.

Minn informazzjoni li għandu NET News, l-organizzaturi tad-dibattitu refgħu l-ewwel fillieri tal-ġenb tas-sala għad-delegati tal-partiti politiċi. Jidher li Chris Cardona wasal ftit tard meta mqabbel ma’ delegati ta’ partiti oħra, u spiċċa biex ma sabx post fl-ewwel filliera.

Dan wassal lil Chris Cardona biex daħal f’argument verbali ma’ delegat mill-partit tal-Patrijotti Maltin. “Għalfejn tridni nqum? Għalfejn tridni nqum? Mela kompli” instema’ jgħid dan id-delegat. “Iridni nqum għax irid joqgħod hu hawn” instemgħet tgħid persuna oħra li kienet fl-ewwel filliera ukoll.

Luke Dalli, preżentatur tal-programm Tanatnejn fuq is-Super One (li hu wkoll it-tifel tal-Ministru Helena Dalli u konsulent tal-Gvern) kellu jagħmel sinjal b’idu lill-Ministru biex jieqaf jargumenta. Wara ftit, ikkalmaw l-affarijiet meta l-Ministru Chris Cardona aċċetta li jpoġġi fit-tieni filliera.

Ftit tal-jiem ilu, il-Ministru Chris Cardona reġa’ kien fl-aħbarijiet wara li m’aċċettax li l-Qorti tikkonferma jekk veru kienx fil-burdell FKK Acapulco waqt żjara fil-Ġermanja fuq xogħol tal-Gvern.