Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: “In-Nies kapaċi jaslu għall-konklużjoni tagħhom” – Simon Busuttil

Simon Busuttil qal li dak li qed jagħmel [Joseph Muscat] mhux normali u qed isir minħabba li l-istituzzjonijiet m’għamlux xogħolhom

In-Nies kapaċi jaslu għall-konklużjoni tagħhom li Joseph Muscat messu ilu li rriżenja u li Keith Schembri u Konrad Mizzi messhom ilhom li tkeċċew u ġew investigati.

Sostna dan il-Kap tal-PN Simon Busuttil met kien mistieden tal-programm Xtra fuq l-istazzjon nazzjonali. Meta kien mistoqsi dwar il-fatt li qed iressaq, Simon Busuttil qal li dak li qed jagħmel mhux normali u qed isir minħabba li l-istituzzjonijiet m’għamlux xogħolhom

Mistoqsi dwar x’jiġri jekk ikun hemm eżitu negattiv dwar l-inkjesta Egrant, Simon Busuttil fakkar li xogħol il-Maġistrat mhux li jsib ħtija iżda li jara jekk hemmx biżżejjed biex il-każ jimxi ‘l quddiem. Hu fakkar li hemm whistleblower li kienet taħdem f’Pilatus Bank li marret tixhed minn jeddha u li d-dettalji li tat f’intervista kienu konfermati f’rapporti tal-FIAU

Il-programm ittratta wkoll il-proposti tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Simon Busuttil qal li l-ekonomija bħalissa għandha żewġ difetti ewlenin; li mhux qed tilħaq lil kulħadd u li f’dawn l-erba’ snin, Muscat ma ħoloqx settur ekonomiku wieħed ħlief għall-bejgħ tal-passaport. Il-mira tal-PN hi li dawn iż-żewġ nuqqasijiet ikunu indirizzati

Hu dan li jkun qed ifisser li l-ekonomija tkun għan-nies. Hu qal li setturi essenzjali, bħall-edukazzjoni u s-saħħa, għandu jipprovdihom l-istat

Dwar il-koalizzjoni mal-Partit Demokratiku, Simon Busuttil qal li Marlene Farrugia kif ukoll Godfrey Farrugia huma persuni ġenwini li lesti jgħinu u sostna li l-Forza Nazzjonali qed tattira Laburisti li tnaffru u xebgħu b’dak li qed jaraw.

Tenna li hu ma wiegħed xejn lil Marlene Farrugia u lil Godfrey Farrugia u huma lanqas biss talbuh.