Elezzjoni 2017

FILMAT: Simon Busuttil se jressaq aktar provi quddiem il-Qorti

Nhar il-Ġimgħa filgħodu l-Kap tal-PN Simon Busuttil se jkun qed iressaq il-provi tiegħu quddiem Maġistrat b’rabta mal-aħħar skandlu li fih ic-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat għadda lill-eks CEO tat-Times, l-Allied Newspapers, Adtian Hillman somma li tlaħħaq 650,000 ewro.

Il-Kap tal-PN ħabbar dan meta kien qed jindirizza attività Taħt it-Tinda fin-Nadur.

Huwa fakkar li min fit-3 ta’ Ġunju se jivvota lil Joseph Muscat se jkun qed jivvota għal Keith Schembri.

Il-Kap tal-PN wissa li s-settur finanzjarju, dak tal-gaming u s-settur tal-informatika li jħaddmu madwar 22,000 ħaddiem jiddependu minn kemm aħna pajjiż serju. Fakkar li l-għada tal-għażla tat-3 ta’ Ġunju l-UE u d-dinja se jkunu qed jagħmlu għażla oħra jibqgħux jinvestu f’pajjiżna jew le.

Matul id-diskors tiegħu Simon Busuttil elenka 5 proposti li jolqtu direttament lill-Għawdxin.

Huwa tenna l-proposta li l-Isptar ta’ Għawdex jingħata lura lill-Għawdxin u xejjen il-qlajja li qed ixerred il-Partit Laburista li l-ħaddiema se jitilfu xogħolhom. Flimkien ma’ dan l-impenn li jinbeda x-xogħol fuq il-mina bejn Malta u Ghawdex.

Impenn ieħor huwa li jsir investiment fit-toroq residenzjali fejn il-budget mistenni jiżdied minn miljun għal erba’ miljun ewro fis-sena.

Simon Busuttil spjega fid-dettall il-proposta ta’ għotja lill-familji Għawdxin biex jissettiljaw f’Għawdex bil-Kap tal-PN jipprogetta investiment ta’ 3 miljun ewro f’sena fi proġett li jolqot 300 familja kull sena.

Flimkien ma’ dawn il-proposta li Għawdex isir gżira reġjun u t-twaqqif ta’ Kunsill Regjonali għal Għawdex li jżomm taħt skrutinju l-ħidma tal-Minsitru għal Għawdex.

Il-Kap tal-PN fakkar li li l-PN huwa l-uniku partit li qatt fassal programm elettorali speċifiku għal Għawdex u b’dan ried jibgħat messaġġ li l-PN jimpurtah minn Għawdex u mill-Għawdxin.