Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: Wara provi ġodda dwar Keith Schembri, Muscat jibqa’ jiġġustifika u jiddefendih qatta’ bla ħabel

Jibqa' jiddefendih minkejja li sar jaf bid-dettalji lbieraħ; Jiftaħ attakk fuq The Times bl-iskop li jevita mistoqsija sempliċi

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddefenda qatta’ bla ħabel fl-ewwel okkażjoni li kellu biex jikkummenta dwar il-provi żvelati lbieraħ mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Ilbieraħ, Simon Busuttil żvela kif iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri għadda lill-eks CEO tat-Times, l-Allied Newspapers, Adrian Hillman, somma li tlaħħaq is-sitt mija u ħamsin elf ewro (€650,000). Dan huwa każ ieħor li jiżdied mal-mod kif Keith Schembri rċieva wkoll €100,000 f’tixħim minn Brian Tonna, flus li għaddew minn kumpanija sigrieta ta’ Tonna fil-British Virgin Islands.

F’kummenti waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, u fl-ewwel okkażjoni li jitkellem dwar dan il-każ ġdid ta’ ħasil ta’ flus, il-Prim Ministru ddefenda lill-id il-leminija tiegħu għax skont hu, it-transazzjonijiet m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-ħajja politika ta’ Keith Schembri. Fl-istess kummenti, Muscat inqabad li sar jaf bid-dettalji lbieraħ anke jekk prova jagħti l-impressjoni li diġa kien jaf bl-istorja li ġiet żvelata lbieraħ.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru fetaħ attakk fuq il-gazzetta The Times, li madwar ġimgħa ilu ppubblikat siltiet sħaħ mir-rapport tal-FIAU li nżamm moħbi mill-awtoritajiet u li jikkonferma l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus bl-involviment ta’ Keith Schembri. Il-ġurnalista ta’ The Times staqsiet jekk il-Prim Ministru jemminx ir-rapport tal-FIAU jew lil Keith Schembri, bil-Prim Ministru jiftaħ attakk fuq din il-gazzetta flok iwieġeb għal din il-mistoqsija.

Tixhim u korruzzjoni: Provi ta’ trasferimenti ta’ €650,000 minn Keith Schembri lil Adrian Hillman