Qorti

FKK Acapulco: L-avukati ta’ Chris Cardona u Joe Gerada jibqgħu jirrifjutaw li tiġi preservata l-informazzjoni

Id-difiża tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia wissiet li jekk ma jkunux preservati r-rekords telefoniċi mitluba fil-każ ta’ libell kontriha u mibdi mill-Ministru Chris Cardona, allura jkun hemm riskju ta’ xhieda falza.

Hekk kif kompla dan il-każ quddiem il-Qorti, l-Avukat Joe Zammit Maempel appella biex l-informazzjoni tal-mobiles tal-Ministru Chris Cardona u l-konsulent tiegħu Joe Gerada tiġi preservata u preżentata fil-qorti.

Dan għaliex minn din l-informazzjoni, wieħed jista’ jkollu l-konferma fejn kienu Cardona u Gerada fil-mument li fih Caruana Galizia qed tgħid li kienu fl-FKK Acapulco.

Iżda minkejja li Cardona u Gerada qed jiċħdu li kienu fl-FKK Acapulco, huma ma jridux li tkunu esebita din l-informazzjoni li suppost tikkonferma l-verżjoni mogħtija minnhom.

L-informazzjoni msejħa bħala TAP3 tibqa’ tinżamm għal sitt xhur u permezz tagħha wieħed isir jaf minn fejn ikunu saru telefonati jew intbagħtu messaġġi, x’data kienet użata u dettalji oħra li jikxfu l-post tal-istess mobile.

L-Avukat Zammit Maempel qal li d-data minn din is-sistemà hi waħda xjentifika li għandha tiġi preservata, qabel tintilef, biex imbagħad tintuża bħala xhieda f’dan il-każ.

Min-naħa tiegħu l-avukat Antoio Ghio, hu wkoll rappreżentant tal-ġurnalista Caruana Galizia, qal li l-Qorti għandha obbligu li tippreserva l-aqwa evidenza possibbli.

Minkejja li l-Ministru Cardona u Joe Gerada jibqgħu jiċħdu li marru fl-FKK Acapulco, l-avukati tagħhom Pawlu Lia u Mark Vassallo komplew joġġezzjonaw li tittieħed azzjoni biex din id-data importanti tiġi preservata.

Dan minkejja li l-avukati ta’ Caruana Galizia kkwotaw mil-liġi fejn jingħad li d-data mit-TAP3 tista’ tintuża għal skop ta’ liġi.