#muscatgate Elezzjoni 2017 Lokali

“F’Malta biss kien hemm membri ta’ Gvern li fetħu kumpaniji fil-Panama” – Sven Giegold

  • Titħassar il-laqgħa tal-Kumitat Pana wara li Muscat naqas milli jattendi

“In-nuqqas ta’ konsegwenzi u azzjoni f’Malta wara l-iskandlu tal-Panama Papers ipoġġi lill-Unjoni Ewropea f’sitwazzjoni imbarazzanti.”

Sostna dan Sven Giegold, membru tal-Kumitat PANA tal-Parlament Ewropew f’kummenti mal-preżentatur, l-Avukat Frank Psaila fi Strasbourg.

Dan wara li llum kellha ssir laqgħa ta’ dan il-kumitat li iżda tħassret wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat, irrifjuta li jattendi għal din il-laqgħa.

Sven Giegold qal li membri tal-Gvern ta’ Malta biss inqabdu li fetħu kumpaniji permezz ta’ Mossack Fonseca. Minkejja dan, il-Parlament Malti ma fetaħx investigazzjoni.  “Il-Gvern Malti ma kkoperax mal-investigazzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-Fatt li s-Sur (Keith) Schembri u s-Sur (il-Ministru tal-Finanzi Edward) Scicluna u s-Sur (il-Prim Ministru Joseph) Muscat ma dehrux quddiem dan il-kumitat, huwa nuqqas tar-responsabblitajiet speċjali marbuta mal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew,” temm l-MEP Giegold.